L-EUROPOL, il-pulizija tal-UE, nediet operazzjoni konġunta - Join Operational Team (JOT) Mare fi sforz li tiġġieled il-gruppi ta' kriminalità organizzata li qed iwasslu biex gruppi ta' immigranti jaqsmu l-baħar Mediterran sabiex jaslu fl-UE. Il-JOT Mare jgħaqqad f'daqqa ir-riżorsi tal-Europol, kif ukoll il-kapaċitajiet tal-Istati Membri sabiex ikun hemm azzjoni koordinata - sabiex nersqu lejn soluzzjoni konkreta.
Kien hemm żieda kbira fl-influss ta' immigranti li jaqsmu l-Baħar Mediterran - fejn fl-2014 kien hemm 220,000 immigrant li għamlu dan il-vjaġġ perikoluż. Minn informazzjoni li għandha l-Europol jidher li dawn il-gruppi ta' kriminalità organizzata qed jagħmluha aktar faċli lill-immigranti sabiex jaqsmu l-Mediterran. Dawn l-istess gruppi ta' kriminalità organizzati għandhom rabtiet ma' ttraffikar tan-nies, drogi, armi u terroriżmu. L-immigranti jiġu sfruttati minn dawn il-gruppi kriminali - aktar minn 3,000 persuna għerqet fil-Mediterran fl-2014 - u fl-2015 diġà kien hemm 1,000 li tilfu ħajjithom huma u jipprovaw jaqsmu l-Mediterran għall-Ewropa.
"It-traġedji li rajna fil-baħar għandhom bżonn azzjoni immedjata u koordinata fuq livell ta' UE. It-tnedija tal-JOT Mare seħh f'waqqtu. Il-Europol u l-Imsieħba tagħna jafu kemm hu importanti li jiġġieldu kontra l-gruppi kriminali li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali" saħaq id-direttur tal-Europol, Robert Wainwright.
Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Dimitris Avramopoulos faħħar dan il-proġett fejn qal li dan hu pass ieħor "kontra dawn il-kriminali bla qalb li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali għall-Ewropa, mill-Baħar Mediterran."