Jissospendi ruħu Henry Mifsud sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet dwar l-ITS

Pierre Fenech bħala direttur eżekuttiv temporanju, waqt li ssospenda ruħu Henry Mifsud sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet

Il-Ministeru għat-Turiżmu fil-jiem li għaddew ħa l-miżuri kollha neċessarji in konnessjoni mal-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tad-Direttur Eżekuttiv għall-Istitut għall-Istudji Turistiċi [ITS], is-Sur Henry Mifsud. Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru b’mod immedjat u preċiżament fit-18 ta’ Marzu 2015 ikkomunika mal-Internal Audit and Investigations Department (IAID) u sussegwentament inbdiet investigazzjoni min-naħa ta’ dan id-Dipartiment.

B’konsegwenza ta’ din l-investigazzjoni, u filwaqt li qed jiċħad tali allegazzjonijiet, is-Sur Mifsud talab sabiex jissospendi lilu nnifsu ħalli jiġi assigurat li l-proċess tal-investigazzjoni jkun wieħed trasparenti. Din is-sospensjoni minnufih ġiet milqugħa mill-Ministeru għat-Turiżmu.

Dalgħodu l-Bord tal-Gvernaturi tal-ITS ħa ħsieb biex fil-perjodu interim jaħtar lis-Sur Pierre Fenech biex jaġixxi ta’ Direttur Ezekuttiv. Dan biex jiżgura li l-operat fl-ITS jibqa’ għaddej normali għall-ġid tal-istudenti kollha, kif ukoll għall-istess impjegati u lecturers li jaħdmu fl-ITS. 

Pierre Fenech huwa diġà d-Direttur Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u għandu aktar minn sbatax–il sena esperjenza vasta fis-settur tal-ospitalità. Huwa ħadem ukoll għal bosta snin fi gradi għolja maniġerjali fis-settur privat. 

More in Socjali