Bħal kull sena l-Korp tal-Pulizija qiegħed itella’ wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa fis-sala Vilhena fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u bħal kull sena tiġbed lejha mijiet ta’ nies.
Il-wirja, l-24 waħda li ttellgħet mill-Pulizija stess, ġiet inawgurata mill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtá Nazzjonali, Carmelo Abela, fis-27 ta’ Marzu fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar u tbierket mill-Kappillan tal-Korp tal-Pulizija Fr Raymond Bonnici. Kemm ilha miftuħa diġá marru mijiet ta’ nies, fosthom turisti, jaraw din il-wirja ta’ arti l-aktar l-opri tal-melħ li ħafna mit-turisti li raw għall-ewwel darba dawn arti, ħasbu li huma pitturi.
Fil-wirja hemm rappreżentazzjoni tal-Aħħar Ċena kif ukoll xeni mill-passjoni ta’ Ġesú Kristu u diversi riproduzzjonijiet magħmulin mill-melħ b’reqqa kbira.
Ix-xogħol kollu sar minn tliet membri tal-Korp tal-Pulizija li huma WPC126 Isabella Cutajar, PC685 Daniel Scerri u PC911 Mario Muscat.
Din il-wirja se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku llum, il-Ġimgħa l-Kbira, mit-8.00am sal-5.00pm, għada Sibt il-Għid mit-8.00am sa nofsinhar u mill-5.00pm sat-8.00pm filwaqt li l-aħħar ġurnata hija l-Ħadd, fl-Għid il-Kbir mill-5.00pm sat-8.00pm.