Black Friday f’Malta: Riżultati differenti għal negozji skont is-settur u l-lokalità

Filwaqt li xi negozji raw żieda qawwija fil-bejgħ u oħrajn irreġistraw titjib, kien hemm ukoll min irreporta tnaqqis meta mqabbel mas-sena li għaddiet

Il-Kamra Maltija tal-SMEs irrappurtat Black Friday pożittiv għal ħafna negozji f’Malta, għalkemm ir-riżultati kienu differenti skont is-settur u l-lokalità.

"Is-setturi tradizzjonalment marbuta ma’ Black Friday, bħal elettronika, appliances u prodotti għad-dar, kisbu l-aħjar riżultati, b’ħafna negozji li offrew promozzjonijiet matul ix-xahar ta’ Novembru,” qalet il-Kamra fi stqarrija.

Filwaqt li xi negozji raw żieda qawwija fil-bejgħ u oħrajn irreġistraw titjib, kien hemm ukoll min irreporta tnaqqis meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

"Fir-rigward tal-infiq medju, xi setturi rrappurtaw tnaqqis. Il-prestazzjoni ta’ Black Friday kienet ukoll influwenzata mill-lokalità, b’ċerti żoni li kellhom sfidi kbar," żiedet tgħid.

Il-kundizzjonijiet tat-temp kellhom ukoll impatt fuq in-numru ta’ klijenti li żaru ċerti lokalitajiet, u għalhekk fuq il-bejgħ. Min-naħa l-oħra, ċentri kummerċjali madwar Malta u Għawdex irreġistraw traffiku qawwi sa mill-bidu tal-jum u bejgħ pożittiv tul il-ġurnata.

"L-estensjoni tal-offerti promozzjonali fuq ix-xahar ta’ Novembru kienet ta’ benefiċċju kemm għall-klijenti kif ukoll għan-negozji," qalet il-Kamra.

Ħafna negozji qed jittamaw f’riżultati tajbin ukoll għaż-żewġ ijiem li ġejjin, peress li ħafna mill-offerti se jibqgħu validi.

"Il-Kamra Maltija tal-SMEs tenfasizza li Black Friday jibqa’ wieħed mill-aktar perjodi importanti tas-sena għan-negozji," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Socjali