L-inflazzjoni annwali fiż-żona tal-ewro naqset għal 2.2% f’Marzu 2025, skont stima rapida mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea.
Dal-persentaġġ jirrappreżenta tnaqqis żgħir fiż-żona tal-ewro meta mqabbel mar-rata t'inflazzjoni fi Frar, li kien ta' 2.3%.
Meta nħarsu lejn Malta, il-pajjiż żamm rata ta’ inflazzjoni stabbli ta’ 2.0% l-istess bħal Frar, iżda ogħla mill-1.8% irreġistrata f'Jannar ta' dis-sena.
Iżda biex jingħad kollox, il-persentaġġ juri wkoll tnaqqis mhux insinifikanti fl-inflazzjoni annwali, jiġifieri l-inflazzjoni mqabbla sena b'sena, hekk kif ir-rata tal-inflazzjoni f'Marzu tal-2024 kienet ta' 2.7%.
Malta fost l-aktar stabbli fiż-żona tal-ewro
Meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn fiż-żona tal-ewro, Malta żammet rata relattivament baxxa u stabbli.
L-Awstrija (3.1%), il-Kroazja (4.3%) u l-Estonja (4.3%) raw inflazzjoni ogħla, filwaqt li pajjiżi bħall-Finlandja (1.9%) u Franza (0.9%) esperjenzaw rati iżgħar.
Servizzi u ikel fost l-aktar setturi affettwati
L-aktar kategoriji li qed jinfluwenzaw l-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro huma dawk tas-servizzi u tal-ikel, l-alkoħol u t-tabakk, li rispettivament raw żieda ta' 3.4% u 2.9%.
Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-enerġija komplew jonqsu, fejn dawn raw tnaqqis ta' -0.7%, sinjal li l-prezzijiet dinjin tal-fuels qed jibqgħu taħt kontroll.
X'jista' jistenna l-konsumatur Malti?
Għal Malta, din l-istabbiltà fl-inflazzjoni tista’ tgħin biex il-prezzijiet jibqgħu aktar prevedibbli għall-konsumaturi u n-negozji. Madankollu, l-effetti fuq l-ispejjeż tal-ħajja jistgħu jvarjaw skont setturi speċifiċi, speċjalment jekk is-servizzi u l-ikel jibqgħu jiżdiedu fil-prezzijiet.