L-eks kap militari Muhammadu Buhari sar l-ewwel kandidat tal-Oppożizzjoni li rebaħ l-elezzjoni presidenzjali fin-Niġerja.
Buhari rebaħ lil Goodluck Jonathan li huwa l-president preżenti, b'iktar minn 2.5 miljun vot. Min-naħa tiegħu, Jonathan ċempel lil Buhari biex jifraħu għar-rebħa tiegħu, waqt li dawk li jappoġġjaw lil Buhari ħarġu jiċċelebraw fit-toroq.
L-osservaturi eletoralli 'mod ġenerali, faħħru l-elezzjoni, għalkemm kien hemm xi allegazzjonijiet ta' xi frodi.
"Jien wegħdt elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-pajjiż u żammejt kelmti," sostna Jonathan fi stqarrija.
Kelliem għall-partit ta' Buhari faħħar lil Jonathan billi qal, "Se jibqa' meqjus bħala eroj ta' dan il-pass. It-tensjoni se tonqos drastikament."
Il-Kummissjoni Elettorali Niġerjana ħabbret uffiċjalmeent ir-rebħa tal-eks kap militari ta' 72 sena, kmieni it-Tnejn filgħodu.
APC, il-partit ta' Buhari rebaħ bi 15,424,921 vot waqt li l-partit ta' Goodluck Jonathan (PDP) akkwista 12,853,162 vot.
Ir-rebħa ta' Gen Buhari hi mument importanti fl-istorja tan-Niġerja, fejn qatt qabel ma kien hemm president li jitlef elezzjoni.