Il-Public Broadcasting Services ippreżentat kollezzjoni ta’ CDs ta’ radjudrammi u rumanzi mill-Arkivji tagħha biex ikunu jistgħu jinstemgħu fid-diversi djar tal-Anzjani waqt attivitajiet soċjali. Din hi l-ewwel fażi tal-proġett ta’ għotjiet ta’ programmi mill-Arkivji u li xxandru mir-Rediffusion u minn Radju Malta filwaqt li t-tieni fażi ser tkun komposta minn teledrammi u teleserials televisivi.
Il-Preżentazzjoni ta’ 60 kollezzjoni ta’ CDs saret mic-Chairman tal-PBS Tonio Portughese lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ u għall-Anzjanita’ Attiva Justyne Caruana fid-Dar tal-Anzjani fiż-Żejtun. Għaċ-ċerimonja attenda wkoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Gvern Lokali u Kultura Owen Bonnici li rrikonoxxa dan l-impenn soċjali tax-xandir pubbliku billi jaqsam ma’ entitajiet oħrajn, f’dan il-każ id-Djar għall-Anzjani, dan il-patrimonju u b’hekk iżomm ħajja l-istorja twila fis-servizzi qodma tar-Rediffusion u ta’ Radju Malta, u jagħti wkoll rigal sabiħ lill-anzjani tagħna li għexu dawn l-esperjenzi storiċi tax-xandir radjofoniku.
L-għotja tikkonsisti f’620 siegħa ta’ Qari bil-Malti --- 24 rumanz u 31 Radju Dramm fosthom il-klassiċi “Id-driegħ li Nixef” ta’ Cynthia Sammut, “Il-Ġnien taċ-Ċirasa” ta’ Anton Chekov,maqlub għall-Malti minn Alfred Scalpello. Ir-rumanzi jinkludu wkoll “Anġli tan-Niket” moqri minn Charles Arrigo; “Il-Forza tad-Destin” moqri minn Twanni Scalpello u “Sireni u Serenati” moqri minn Ġorġ Peresso, ilkoll ilħna ċelebri ta’ qarrejja popolari tul is-snin. Filwaqt li r-radjudrammi għandhom il-parteċipazzjoni ta’ atturi ikoniċi bħal Carmen Azzopardi, Antoinette Soler, Victor Grech, Connie Azzopardi u Alfred Mallia.
L-għan tal-PBS b’dan il-proġett huwa li jħares il-patrimonju tal-arkivji tiegħu b’rikonoxximent ħaj lill-pijunieri li tul medda ta’ snin daħlu fid-djar kollha bl-ilħna distinti tagħhom. B’hekk jitwessa’ l-għarfien ta’ personalitajiet li taw sehem fil-qari bil-Malti u tingħata opportunita’ lir-residenti fid-Djar tal-Anzjani biex jerġgħu jisimgħu lil tant ilħna li kienu popolari magħhom fi tfulithom u f’żgħożithom. B’hekk il-PBS esegwixxa fil-prattika l-impenn tar-responsabbilta’ soċjali u taqsam il-patrimonji tagħha mal-komunita’ in ġenerali.
Il-PBS qiegħda twettaq proċess li taqleb għadd ta’ rumanzi u radjudrammi minn tapes tradizzjonali għal sistema diġitali biex is-sistema ta’ l-arkivjar tkun aġġornata teknoloġikament.
It-Tieni Fażi tal-Proġett jinteressa l-aspett viżiv fuq teledrammi u teleserials li baqgħu jissemmew bħal F’Baħar Wieħed tal-magħruf Lino Grech, u oħrajn bħal “Il-Madonna taċ-Ċoqqa”, “Wenzu u Rożi”, u “Fredu l-Fra” bis-sehem ta' ħafna atturi popolari fosthom Narcy Calamatta, Vitorin Galea, Charles Thake, Mary Rose Bonello, Josie Coppini u Ġemma Portelli, u oħrajn.
Meta jitlesta dan il-proċess, id-Djar tal-Anzjani ser jingħataw kopji ta’ dawn il-produzzjonijiet televisivi ferm popolari.