[FILMAT] Setgħa lill-votanti li jagħmlu dak li hu tajjeb għal pajjiżhom - SHout

“Illum kull persuna li tivvota fir-referendum ħa tkun protagonist u tieħu deċiżjoni għall-pajjiż”

Ritratt: Ray Attard
Ritratt: Ray Attard

Il-kelliema għal SHout inġabru barra il-Kamra tar-Rappreżentanti llum – l-aħħar jum qabel jieqaf il-parlament, sabiex jenfasizzaw il-fatt li l-pubbliku issa ħa jagħmel deċiżjoni dwar il-futur tal-pajjiż.

Filmat: Ray Attard

Moira Delia, kelliema għal SHout qalet “Għal snin, il-politiċi tagħna kienu kkundizzjonati u mbeżża’ jmissu l-kaċċa għax il-kaċċaturi kienu jhedduhom bil-voti tagħhom.”

“Illum, il-Parlament jieqaf għal xahar. Id-deċiżjoni l-kbira li jmiss, dwar il-futur ta’ pajjiżna, ħa ssir minna – l-poplu. Illum kull persuna li tivvota fir-referendum ħa tkun protagonist u tieħu deċiżjoni għall-pajjiż.”

“Kemm Joseph Muscat kif ukoll Simon Busuttil bħala mexxejja tal-partiti qablu li jagħtu vot ħieles lill-votanti. Huma ħallew lill-poplu jiddeċiedi hu. Qalu wkoll li anke l-membri parlamentari tagħhom jistgħu jivvotaw b’mod ħieles. Nafu li ħafna membri parlamentari kemm Laburisti u kemm Nazzjonalisti ħa jkunu qed jivvutaw LE. Din mhix kwistjoni politika. Aħna liberi li nivvotaw skont il-kuxjenza tagħna. Inħeġġu lil kulħadd jiġbor id-dokument tal-vot, ħalli jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament biex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar din il-kwistjoni.”

“Għandna s-setgħa li nbiddlu l-futur ta’ pajjiżna. Għandna l-għażla li nagħmlu dak li hu ġust. Kull vot individwali huwa importanti daqskemm hu importanti l-vot tal-politiċi tagħna – kull vot huwa importanti indaqs.”

Mark Sultana, kelliem għal SHout qal li huwa importanti li niftakru li aktar minn 40,000 persuna, 10% mill-votanti Maltin, iffirmaw petizzjoni sabiex jissejjaħ referendum. “Dan hu mument storiku għal pajjiżna, l-ewwel darba li sar referendum imsejjaħ min-nies. Issa f’idejna li nagħmluh jgħodd.”

“Id-deċiżjoni tal-poplu hija vinkolanti – jiġifieri li jekk jgħaddi l-vot tal-‘le’, mhux ħa jkun hemm kaċċa tar-rebbiegħa din is-sena, jew qatt aktar f’Malta. Nitlobkom tagħmlu dak li hu ġust – ivvutaw ‘le’ sabiex tħarsu l-għasafar, ivvutaw ‘LE’ sabiex tħarsu l-kampanja Maltija, ivvutaw ‘LE’ sabiex jintemm il-bullying mill-kaċċaturi.”

“Kulħadd għandu jkollu d-dokument tal-vot, li jistgħu jinġabru mill-eqreb għassa tal-pulizija sal-4 ta’ April, imbagħad għandna nivvutaw le fil-11 ta’ April – sabiex insolvu din il-problema darba għal dejjem.”

More in Socjali