
Sena wara: Il-ħtif ta' 219-il tifla mill-Boko Haram
L-Amnesty International tgħid li nħatfu 2,000 mara u tifla mill-bidu tal-2014 fin-Niġerja

More in Socjali
L-Amnesty International tgħid li nħatfu 2,000 mara u tifla mill-bidu tal-2014 fin-Niġerja
Id-dinja kollha llum tfakkar sena minn meta aktar minn 200 tifla ġew maħtufa mill-grupp Islamist militant Niġerjan Boko Haram.
Fil-kapitali tal-istess pajjiż, Abuja, ser tittella’ purċissjoni bis-sehem ta’ 219 tifla – waħda għal kull tifla li nħatfet is-sena l-oħra. F’ibliet oħra madwar id-dinja se jittellgħu ċerimonji simili, inkluż f’Londra u f’Washington.
Intant, l-Amnesty International qalet li mill-bidu tas-sena l-oħra ‘l hawn inħatfu 2,000 mara u tifla. Dawn spiċċaw fost l-oħrajn skjavi tas-sess u ġellieda.
Il-ħtif tat-tfajliet f’Chibok, fil-Grigal tan-Niġèrja fl-14 ta’ April tal-2014 qajjem kjass internazzjonali, b’saħħiet bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina iwegħdu li jgħinu fit-tiftix. Iżda minkejja dan kollu, sal-lum il-ġurnata għad m’hemmx sinjal ta’ fejn jinstabu dawn it-tfajliet. Dan il-każ kompla ntefa’ taħt attenzjoni internazzjonali bil-hashtag #bringbackourgirls fuq Twitter – liema kampanja rat l-appoġġ anke tal-First Lady tal-Istati Uniti Michelle Obama, kif ukoll tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi Malala Yousefzai.
Ilbieraħ, Yousefzai ħarġet ittra fil-pubbliku għal dawn it-tfajliet, hekk kif hi wkoll kienet vittma ta’ attakk mit-Talibani – “jien ukoll kont mira għal militant li ma ridux li t-tfajliet imorru l-iskola, sparaw fuqi u fuq tnejn minn sħabi aħna u sejrin l-iskola. It-tlieta li aħna salvajna u issa erġajna lura l-iskola. Issa qed nitkellmu f’isem it-tfajliet kollha dwar id-dritt li jkollna edukazzjoni xierqa. Il-kampanja tagħna tkompli sakemm intom, u l-bniet u subien kollha madwar id-dinja jkollkom aċċess għall-edukazzjoni sekondarja b’xejn, sigura u ta’ kwalità.”
Fl-ittra talbet ukoll lill-gvern Niġerjan, imma wkoll il-komunità internazzjonali biex jagħmlu dak kollu li jistgħu u aktar biex isibu lil dawn it-tfajliet. Temmet l-ittra billi talbet lil dawn it-tfajliet biex minkejja kollox, “ibqgħu sodi, titilfux it-tama. Intom l-eroj tiegħi.”