Prova li hemm bdiewa li ilhom ma jitħallsu mill-pitkala sitt xhur

Waħda mill-ittri ta' bidwi li jgħid li ilu ma jitħallas minn Novembru

 

Hekk kif din il-ġimgħa l-aħbarijiet kienu ddominati mill-kwistjoni tal-pitkalija, l-ILLUM ddeċiediet li titkellem ma’ kelliem fil-ministeru tal-Agrikoltura ħalli jwassal lill-qarrejja eżattament x’ġara, x’qed jiġri u għaliex inqalgħet din il-kwistjoni. Dawn il-problemi nqalgħu meta l-pitkala ntalbu jagħmlu garanzija bankarja ta’ 10% tal-bejgħ li jkollhom kull sena. Garanzija bankarja li dak li tagħmel differenza bejn pitkal u ieħor, skont kemm wieħed ibigħ. Fil-fatt l-aktar pitkal li jbigħ hu ta’ €1.6 miljun fis-sena u għalhekk irid jagħmel il-garanzija bankarja ta’ €160,000 - li jfisser kapital rieqed fil-bank. Iżda din is-somma hi garanzija li l-bidwi jieħu flusu wara x-xogħol li jkun ħa. Fil-fatt minn sorsi fil-ministeru dan il-ġurnal għandu informazzjoni li hemm ittri, waħda minnhom ippubblikata fuq din l-istess paġna, li nbagħtu għand il-ministeru minn bdiewa li ilhom aktar minn sitt xhur ma jitħallsu ta’ xogħolhom u hu għalhekk li din il-garanzija qed tiġi mitluba - biex jiġu mħarsa l-ħlasijiet tal-bdiewa fil-ħin.

Il-pitkalija ilha teżisti minn qabel il-gwerra minn żmien fewdali fejn qabel kien hemm pitkalija f’Birkirkara, fil-Marsa u fir-Rabat. Fl-1974 ġiet ċentralizzata f’Ta’ Qali f’binja tal-gvern. Il-pitkala li huma madwar 16 (bil-koperattiva inkluża) jieħduhom b’kirja minn sena għall-oħra u normalment jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Jekk xi ħadd iċedi l-liċenzja, il-gvern joħroġ offerta. Il-liċenzji mħallsa huma differenti għax hemm min ilu fil-pitkalija 50 sena u min ilu 5 snin - allura l-kirja hi differenti.

Is-sistema kif taħdem il-pitkalija hi billi l-bidwi jieħu l-prodott tiegħu għand pitkal jew anke pitkala ta’ fiduċja u għażla tiegħu. Il-pitkal suppost jbigħ il-prodott tal-bidwi b’irkant jew illum wieħed jista’ jsejjaħlu billi jinnegozja l-prezz max-xerrej. Anke x-xerrej hu differenti, hemm xerrejja tal-lukandi, oħrajn li jbigħu l-prodotti fl-irħula u oħrajn f’żoni ta’ livell tal-ħajja ogħla li jfittxu prodotti aktar ta’ kwalità li jinbigħu bi prezz ogħla. Aktar mal-pitkal ibiegħ bi prezz tajjeb, aktar ikun tajjeb għall-bidwi u anke għal pitkal li jitħallas bi 8% kummissjoni fuq dak li jbiegħ.

Ix-xerrej iħallas lil pitkal, fejn ħafna minnhom ikollhom relazzjoni mal-pitkala u jiftehmu mod kif iħallsu. Fl-1997 meta kien hemm Noel Farrugia ministru tal-agrikoltura tal-Labour, kien għamel arranġamenti mal-bank APS li jiftaħ bank b’ATM ħdejn il-pitkalija biex il-pitkal ipoġġi flusu f’dan il-bank u l-bdiewa jitħallsu mill-bank. Dan il-kuntratt ingħata għal 16-il sena u fl-2012 l-APS iddeċidew li ma jġeddux dan il-kuntratt. Jidher li l-bank ma kellux bżonn iżjed li jġedded għax kien laħaq l-għan tiegħu li jibni klijentela tajba mill-bdiewa, xerrejja u pitkala u anke għax kien hemm xi pitkala li ma kinux qed ipoġġu flushom fil-ħin u l-bank kien qed iħallas lill-bidwi u l-flus kien qed idum biex jirċevihom mingħand xi pitkala.

Il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien laħqu ftehim mal-APS li minħabba li kienet waslet l-elezzjoni Ġenerali, jestendu l-kuntratt tagħhom sa’ Diċembru 2013 u hekk ġara. Għalhekk fis-sena li għaddiet l-bank waqaf jaħdem mal-pitkala.

Kelliem għall-Ministeru tal-Agrikoltura qalilna li l-ministeru ħadem biex isib bank ieħor iżda l-ebda bank ma kien jinteressah. Għalhekk il-gvern iddeċieda li jordna lil pitkal ipoġġi garanzija bankarja f’kont li tahom il-gvern ħalli b’hekk il-ħlas tal-bidwi jkun assigurat.

Dan il-kelliem qalilna li f’Novembru li għadda saret laqgħa u ma oġġezzjona ħadd. Il-kelliem qalilna li nofshom xorta waħda għamlu l-garanzija, anke jekk ilmentaw. In-nofs l-ieħor għadhom m’għamlux il-garanzija għax qed jgħidu li huma jaqilgħu 8% u qed jintalbu jħallsu 10%. Iżda dan skont il-kelliem ma jreġġix għax din il-garanzija qiegħda hemm bħala garanzija jiġifieri l-kapital ser jibqa’ tagħhom. Il-Ministeru jemmen li sa ġimgħa oħra din il-kwistjoni tingħalaq għax kważi kollha se jiftħu l-garanziji meħtieġa. Sadanittant hemm pitkala li qed jisħqu li l-gvern għandu jitlob garanzija wkoll mingħand ix-xerrej ħalli anke huma jiġu mħarsa u li ħa jitħallsu. Iżda skont il-kelliem għall-ministeru qalilna li dan ma jistax jsir għax l-gvern lix-xerrej ma jafux. Il-gvern jaf lil pitkal għax lilu toħroġ il-liċenzja, ix-xerrej jinbidel minn ġurnata għall-oħra.

Sadanittant il-gvern waqqaf milli jaħdmu bħala pitkala lil dawk li ma fetħux il-garanzija bankarja. Mistoqsi jekk il-bdiewa jaqblux ma din il-kwistjoni dan qalilna li l-maġġoranza tal-bdiewa kuntenti għax flushom qed ikun garantit, iżda hemm bdiewa li minħabba r-relazzjoni twila li għandhom mal-pitkala li jaħdmu magħhom qed jgħidu lil ministeru li huma jafdawhom lill-pitkala tagħhom u m’għandhomx għalfejn jintalbu garanzija. Sadanittant l-ILLUM għandu ittra f'idejh li hi waħda minn diversi ittri li ntbagħtu lil ministeru fejn  bdiewa qed jgħidu li ilhom ma jitħallsu minn Ottubru minn xi wħud mill-pitkala.

L-ILLUM tkellem ukoll ma’ xi bdiewa fejn staqsejnihom għaliex jużaw il-pitkala u ma jbigħux il-prodott tagħhom huma, u kien hemm minnhom li qalulna li huma bdiewa li jaħdmu fl-għelieqi u mhux bejjiegħa. Iżda hu fatt li hemm bdiewa li jbigħu l-prodotti tagħhom dirett lis- supermarkets, minn ħdejn l-għelieqi tagħhom jew mill-vannijiet tagħhom billi japplikaw għal-liċenzji ta’ bejjiegħa.

Iżda hu fatt li ħafna minnhom għadhom jemmnu fir-relazzjoni tagħhom mal-pitkal li jwassal il-prodott tagħhom lix-xerrej li min-naħa tiegħu jwasslu għand il-konsumatur b’xi mod jew ieħor.

 

More in Socjali