Il-Gvern ħatar grupp ta’ ħidma biex jiġi studjat l-aħjar użu tal-ispazju li jagħmel parti mill-Biblijoteka u spazju ieħor taħt Misraħ Repubblika li riċentament għadda lura għand il-Gvern. L-għan ta’ dan il-grupp huwa biex iħares lejn l-aħjar użu possibbli ta’ dan l-ispazju fil-qalba tal-Belt Valletta.
Il-Gvern qed jistieden ukoll lill-pubbliku biex jersaq ’il quddiem u jagħti s-suġġerimenti tiegħu dwar l-użu ta’ dan l-istess spazju. Il-kummenti tal-pubbliku jaslu għand il-grupp ta’ ħidma li min-naħa tiegħu jevalwa s-suġġerimenti u jirrakkomanda l-aħjar proposti lill-Gvern.
Il-grupp ta’ ħidma huwa mmexxi miċ-Chairman Ray Bondin speċjalizzat fl-użu mill-ġdid ta’ bini storiku. Il-bqija tal-membri huma rappreżentanti tal-istakeholders kollha li b’xi mod jinfluwenzaw id-deċiżjoni - Joseph Caruana, Albert Marshall, Herald Bonnici, Gavin Gulia, Joanne Sciberras u Tony Pace.
Il-ħidma tal-grupp se tkun li jevalwa l-ideat tal-pubbliku dwar l-aħjar użu ta’ dan il-bini, imexxi konsultazzjonijiet ma’ entitajiet interessati fl-aħjar użu tas-sit, jara l-aħjar mod kif jinħoloq aċċess għall-Biblijoteka Nazzjonali mill-post innifsu filwaqt li jagħti rakkomandazzjonijiet ta’ kif għandu jintuża s-sit mingħajr ma jeskludi xi tip ta’ attività kummerċjali.
Huwa se jkun qed jiltaqa’ taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Abbażi ta’ dak li jkun ħareġ, il-grupp ta’ ħidma jħejji rapport lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni bir-rakkomandazzjonijiet miġbura.