It-traffikar ta’ immigranti li qed ifittxu ħajja aħjar

Christa Boffa

Din il-ġimgħa kienet ġimgħa kkaratterizzata mit-traġedja umana fil-baħar ftit ‘il bogħod minn xtutna fejn hu stmat li ħalliet ‘il fuq minn 800 ruħ mejta. 800 ruħ li kienu qed jaħarbu minn pajjiżhom sabiex isibu futur aħjar ’il bogħod mill-faqar, gwerer u mill-mewt. 800 ruħ li ssugraw ħajjithom fuq qoxra tal-baħar li għalkemm ma tiswiex karlin, għalihom kienet tfisser it-tama ta’ ħajja ġdida.

Kienet traġedja li qajmet mill-irqad id-dinja kollha. Traġedja li finalment wasslet sabiex Malta flimkien mal-Italja jwasslu l-kruha ta’ dawn l-imwiet mal-erba t’irjieħ, u fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea sabiex ħadd ma jkompli jagħlaq għajnejh quddiem it-traffikar organizzat tal-immigranti li qed ifittxu ħajja aħjar.

L-ILLUM qed tagħti ħarsa ta’ x’qed jgħidu wħud mill-protagonisti u osservaturi, kif ukoll il-fatti dwar l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar ta’ bnedmin. 

Laboratorju tal-Paċi:

Kważi ma sirna nħossu xejn fil-kuxjenza meta naraw it-twiebet mal-art, jew nisimgħu l-istatistiċi ta’ dawk li mietu. Imma imbagħad hemm mumenti li jċaqalquna, li jġiegħluna naħsbu. L-aħbar li mietu aktar minn 700 persuna fil-Mediterran huwa eżempju ċar. Ġiegħlna naħsbu fuq il-ħajja li qed ngħixu u x’jiġifieri li tkun uman. Ġiegħlna naħsbu fuq il-globalizzazzjoni – fuq globalizzazzjoni li tgħix fuq in-nuqqas ta’ ugwaljanza u l-inġustizzja – globalizzazzjoni li hija indifferenti għall-għajta tal-fqir. 

Nappellaw lill-gvernijiet biex jieqfu jkunu populisti biex jissodisfaw il-movimenti tal-lemin estrem u jieqfu jgħoddu lill-immigranti bħala kriminali. 

Adrian Grima, lettur l-Università: 

F’dawn il-jiem, Malta qed tospita r-IV Konvenzjoni tal-Maltin ta’ Barra. Mument importanti ħafna biex aħna “l-Maltin ta’ Malta” nsiru nafu lill-”Maltin ta’ barra,” nirrikonoxxu l-ħidma u l-aspirazzjonijiet tagħhom, nitgħallmu mingħandhom bħalma huma jibqgħu jitgħallmu mingħandna u jfittxuna bħala ħuthom f’art twelidhom jew f’art il-ġenituri tagħhom.

Ħafna minnhom jaraw lilhom infushom bħala Maltin u jsegwu dak li qed jiġri fostna ferm iżjed milli aħna nagħtu kas ta’ dak li qed jagħmlu huma.

Okkażjoni biex insiru nafu mill-qrib lil dawk li telqu biex isibu ħajja aħjar. Dawk il-ħafna nies, għexieren ta’ snin ilu u f’ċirkostanzi diffiċli, qasmu l-baħar huma wkoll.

Hemm differenzi importanti bejn dik l-emigrazzjoni “organizzata” u l-ħarba ddisprata ta’ eluf ta’ bnedmin, illum, mill-gwerra u l-ġuħ jew in-nuqqas ta’ futur. Hemm ħafna. differenzi.

Imma hemm ukoll ħafna xebh, għax il-bnedmin, huma fejn huma, huma min huma, jibqgħu bnedmin tad-demm u l-laħam, bid-drittijiet fundamentali tagħhom. Bl-aspirazzjonijiet li għandhom kull dritt, daqsna, li jkollhom.

U tibqa’ l-istess ukoll ir-responsabbiltà tagħna li nuru solidarjetà.

Maria Luisa Catrambone, 19-il sena, mill-MOAS

Ħadd ma ħaqqu jmut hekk. L-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ għandhom jitilgħu fuq nett tal-prijoritajiet tad-dinja. Ninstab dispjaċuta ħafna. Fil-ħidma tiegħi fuq il-Phoenix, għalkemm nagħmel ħafna xogħlijiet, waħda minnhom hi li nieħu ħsieb it-tfal u n-nisa li jiġu salvati mill-operazzjoni tagħna – nara li jkunu kollha komdi kemm jista’ jkun. Nista’ ngħid li dejjem iqanqluli ħafna emozzjonijiet – imma waħda li dejjem tibqa’ f’moħħi b’mod partikolari, u li dejjem tqanqalli demgħa hija waħda mara li kienet tqila 6 xhur – bdiet tivvjaġġa waħidha u bdiet tibki għax bdiet tħoss in-nuqqas tar-raġel u tal-familja tagħha. Bdejt nipprova nferraħha ftit – kull ħaġa żgħira biex indaħħakha. Hi qaltli li trid lit-tifla tagħha ssir taf aktar dwar il-pajjiż oriġinarju tagħhom għax tixtieq li eventwalment imorru lura. Din ma nisimgħuhiex is-soltu fuq l-mezzi tax-xandir hekk kif nisimgħu biss dwar immigrant li jiġu fl-UE imma ma jgħidux li qed jipprovaw jagħtu ħajja aħjar lill-uliedhom u ulied uliedhom. Dawn huma nies b’ħafna kuraġġ, li jagħmlu vjaġġ hekk biex jagħtu futur aħjar lil uliedhom. 

Aditus

“L-iktar element importanti bħalissa huwa li nagħmlu milli nistgħu biex insalvaw l-aktar numru ta’ nies possibli, sabiex nipprevjenu aktar traġedji. Jekk l-Unjoni Ewropea ma tistax tissalvagwardja l-ħajja, tispiċċa fix-xejn. Imbagħad aħna nixtiequ li l-Unjoni Ewropea tifhem għalfejn refuġjat għandu bilfors jitla’ fuq dgħajsa u jipprova jaqsam dak il-baħar qattiel, biex jaħrab minn gwerra jew persekuzzjoni. L-Unjoni Ewropea trid tifhem li l-liġijiet tagħha stess qed jimbuttaw lir-refuġjati fuq id-dgħajjes, u sakemm dawk il-liġijiet nibqgħu hemmhekk ħa nkomplu naraw irġiel u nisa u tfal imutu fl-ibħra tagħna.”

African Media Association Malta 

Sfortuntament din kienet traġedja qed tistenna li tiġri, li kienet neċessarja biex turi lid-dinja kemm hi kbira din il-problema. Din ma tistax tibqa’ responsabilità tal-pajjiżi Mediterranji biss. Din il-problema trid titqassam bejn il-pajjiżi kollha u jridu jinstabu soluzzjonijiet ġodda fuq medda qasira ħalli naraw li ma jkunx hemm min jitlef ħajtu għalxejn; u fl-istess waqt irridu nsibu soluzzjonijiet għar-ragunijiet li qed iwasslu biex daqstant nies jaħarbu minn pajjiżhom għax ikunu mhedda b’ħajjithom. 

L-instabbilità fil-Libja hija ta’ tħassib kbir, u l-fatt li t-traffikanti tal-immigranti jistgħu jibgħatu mijiet ta’ nies daqshekk faċilment fuq dgħajsa li ma tiflaħhomx kollha, ħafna drabi mingħajr qas biss ma jkollhom ilma x’jixorbu, huwa att diżuman li jsir biss għall-profitt.

SOS Malta

Din hi sitwazzjoni wisq ta’ niket. Ninstab f’xokk għal kemm intilfu ħajjiet fl-agħar traġedja umanitarja, u ninsab aktar f’xokk għan-nuqqas ta’ rispons. Il-kliem mhux biżżejjed meta warajhom ma jkunx hemm azzjoni.

Hemm bżonn li din it-traġedja ma tkunx kwistjoni politika. Ma naħsibx li hemm soluzzjoni sempliċi għaliha.  Wasal iż-żmien li nagħrfu li din il-kwisjoni ħa tikber. Kemm għad iridu jmutu nies fl-ibħra tagħna biex nieħdu azzjoni bis-serjetà? L-azzjoni trid tkun kontra t-traffikanti, li tagħti għajnuna lill-pajjiżi ta’ oriġini u li jkun hemm salvataġġ kontinwu. L-Ewropa trid tieħu azzjoni issa. Malta trid tifhem ukoll li ma nistgħux noqogħdu gallarija. Irridu nkunu parti mis-soluzzjoni.”

X’qed jgħidu . . .

“Li kieku dawn ma kinux irġiel u nisa, imma minflok kienu istituzzjonijiet finanzjarji, li kieku dawn ma kinux nies imma kienu banek, kontu tkunu ilkom li salvajtuhom!” Alessandro Di Battista, Movimento 5 Stelle – partit ewroxettiku fl-Italja

“Ma nistgħux ninsew li eluf ta’ eluf ta’ Taljani, fis-seklu li għadda, kienu telqu minn pajjiżhom lejn l-Amerika, l-Ġermanja, l-Awstralja, il-Kanada.” Gianni Morandi, kantant Taljan wara li ġie attakkat fuq il-pożizzjoni li ħa fuq l-immigrazzjoni

“Jekk l-Ewropa tkompli tagħlaq għajnejha għal din il-kriżi, ħa niġu ġġudikati bl-istess mod li xi wħud mill-pajjiżi ġew iġġudikati talli għalqu għajnejhom għal uħud mill-ġenoċidji li saru fis-seklu 19 u 20.” Joseph Muscat, il-Prim Ministru Malti

“Din hija kwistjoni Ewropa, u ħaqqha soluzzjoni Ewropea. Il-kondoljanzi fuq Twitter mhux biżżejjed.” Roberta Metsola, MEP Maltija – 

“Lampedusa sar iċ-Check Point Charlie tas-Seklu 21” Angelino Alfano, Ministru Taljan għall-Affarijiet Interni 

“Din iġiegħlek taħseb, kemm ħa jieklu minnhom il-lampuki? Li ser jispiċċaw fu qil-mejda tagħna l-Maltin. U jekk xi ħadd minnhom ikollu l-ebola jew xi mard infettatt ieħor? Jien lanqas biss naħsibha biex niekol aktar ħut.” Alex Pisani, li ddikjara lilu nnifsu president tal-‘Għaqda Patrijotti Maltin’ 

“Hija tal-mistħija. Irridu ningħaqdu flimkien biex naraw li ma jerġgħux isiru traġedji simili. Hija biss jekk jingħaqad kulħadd f’daqqa li nistgħu nagħtu l-għajnuna u naraw li qatt ma jerġa’ jkollna traġedji hekk” – Papa Franġisku, wara li tħabbar li madwar 300 immigrant għerqu ftit ‘il bogħod minn Lampedusa f’Ottubru tal-2013 

“Ejja naraw li dak li ġara f’Lampedusa jservi ta’ allarm biex tiżdied l-għajnuna u s-solidarjetà, u biex nevitaw traġedji simili fil-futur” Cecilia Malmström, li waqt it-traġedja tal-2013 kienet Kummisarju Ewropew għall-Affarijiet Interni 

“It-traffikanti tal-immigranti huma t-traffikanti l-ġodda tal-iskjavitù. Irridu niddikjaraw gwerra kontrihom.” Matteo Renzi, il-Prim Ministru Taljan 

Il-fatti . . .

  • L-immigranti jitilqu mill-Afrika ta’ Fuq – ħafna minnhom mil-Libja għall-Italja. Hemm ukoll min jieħu t-triq tal-Eġittu, u l-Marokk. Rotta oħra hija mit-Turkija għall-Greċja. 
  • Skont l-UNHCR, l-immigranti jħallsu minn $200 sa $1,000 biex jaslu sal-Libja mill-Afrika tal-Punent, u minn $1,000 sa $6,000 mill-Arn tal-Afrika.  
  • Il-vjaġġ mil-Libja għall-Italja suppost ma jdumx aktar minn ġurnata, imma minħabba li d-dgħajjes ma jkunux jifilħu jbaħħru daqshekk, mhux kollha jirnexxielhom jaslu. Meta joħorġu mill-Kosta Libjana, ssir ‘distress call’ bit-tama li l-immigranti jiġu salvati jew minn bastiment tal-merkanzija jew tas-sajd, jew inkella mill-gwardji tal-kosta Taljani jew Maltin. 
  • Meta jkun hemm membri tal-ekwipaġġ fuq id-dgħajsa mal-immigranti, dawn jew jaħarbu jew jagħmluha ta’ bir-ruħhom li huma immigranti wkoll. 
  • Il-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti jinbidlu mas-snin. Bħalissa l-aktar li qed jaqsmu l-Mediterran huma mill-Afrika tal-Punent, mill-Arn tal-Afrika, u mill-2013 mis-Sirja. Skont il-UNHCR fl-2013, 31% kienu Sirjani, u 18%  mill-Eritrea.  Din is-sena l-aktar li qed jaslu immigrant fl-Italja u f’Malta ġejjin mill-Gambia, is-Senegal u s-Somalja.
  • Skont l-UNHCR din is-sena waslu madwar 26,165 immigrant fl-Italja – numru simili għas-26,644 li waslu fl-ewwel erba’ xhur tal-2014. 
  • Fl-ewwel erba’ xhur tal-2014 mietu 96 mill-immigranti li bdew jipprovaw jaslu fl-Ewropa mir-rotta li tgħaddi min-nofs tal-Mediterran. Din is-sena s’issa mietu 1,170 – b’madwar 800 minn nhar il-Ħadd sal-lum. 
  • F’laqgħa għolja bejn il-mexxejja tal-istati tal-UE, li saret fi Brussell nhar il-Ħamis li għadda wegħdet fost l-oħrajn li ssaħħaħ il-preżenza tagħha fil-Mediterran permezz tal-operazzjonijiet tagħha Triton u Poseidon, li tattakka l-ewwel u qabel kollox it-traffikanti tal-immigranti billi teħles mid-dgħajjes li jużaw biex idaħħlu l-immigranti fl-Ewropa, li tagħti l-għajnuna tagħha fl-għeruq tar-raġunijiet li jwasslu lill-immigranti jitilqu minn pajjiżhom, u li l-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien sabiex jaqsmu din il-kwisjoni bejniethom. 

More in Socjali