Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru tal-Familja u Solidarjeta` Socjali Michael Farrugia għamel żjara f’Oslo n-Norveġja fejn kellu diversi laqgħat informattivi, ta’ diskussjoni u koperazzjoni rigward it-trattament tal-vittmi tad-droga b’mod partikulari dawk taħt it-18-il sena.
Fl-ewwel ġurnata l-Ministru Michael Farrugia ġie milqugħ fl-Oslo University Hospital fejn iltaqa’ mas-CEO Bjorn Erikstein u numru ta’ kapijiet ta’ diversi dipartimenti fosthom mad-Direttur tas-substance use disorders u r-ricerka li qed issir f’dan il-qasam. Diskussjoni oħra siewja kienet dwar l-effetti psikoloġiċi tal-effett tad-droga, is-saħħa mentali u l-istrateġija Nazzjonali tan-Norvegja dwar l-Overdose.
Fl-ewwel jum ukoll, il-Ministru Michael Farrugia kellu laqgħa oħra mad-Direttur Terje Christiansen u d-Direttur tar-Riċerka Terje Ogden fir-rigward tal-imġiba antisoċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ. Huwa spjega wkoll kif ġie introdott il-programm tal-outreach li qed jitħaddem b’suċċess fil-muniċipalitajiet fin-Norveġja.
Fit-tieni ġurnata taż-żjara l-Ministru Michael Farrugia kellu laqgħa siewja dwar programm ta’ ditoksifikazzjoni mill-effett tal-kannabis. Mal-Kap ta’ dan id-Dipartiment Borge Erdal, il-Ministru ddiskuta ukoll il-mod ta’ koperazzjoni kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jgħinu lil xulxin f’dan il-qasam.
Laqgħa oħra mal-General Manager Espen Enoksen wasslet sabiex tqanqlet diskussjoni interessanti dwar il-mudell ta’ kif il-vittmi tad-droga jiġu ttrattati kemm fin-Norveġja kif ukoll f’Malta. Il-Ministru Michael Farrugia spjega kif f’Malta qed naħdmu sabiex il-mudell tagħna jibda jgħin u jsostni mhux biss lill-vittma izda wkoll il-familja tiegħu u dawk li jgħixu madwaru. Huwa żied li l-mira tagħna għandha tkun dik li niffukaw sabiex ngħinu l-familja kollha, u mhux lill-vittma biss. B’dan il-mod, sostna l-Ministru nkunu qed nersqu aktar lejn tisħiħ u titjib biex wara li tintrebaħ il-problema tal-vizzju, il-familja tkun tista’ tissaħħaħ u tibda tgħix mill-ġdid.