Lockers ġodda għal studenti Għawdxin fl-Università

"Iż-żgħażagħ għandhom ikunu fuq il-mejda tal-konsultazzjoni" - Ministru Anton Refalo

Il-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo għadu kemm irregala locker compartments fl-Università ta’ Malta lil GUG. Dawn is-16-il locker għandhom iservu sabiex jintużaw mill-istudenti Għawdxin. Il-Ministru Refalo saħaq li parti sostanzjali mill-ispiża tal-Gvern tmur għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ. Din l-għotja għandha titqies mhux bħala spiża, iżda bħala investiment ta’ għajnuna għall-istudenti Għawdxin u lil GUG, l-għaqda li tirrapreżenta lill-istess studenti. L-edukazzjoni taf ma ssarraf xejn jekk ma tkunx akkumpanjata minn politika li ssarraf f’ġid u benefiċċju għaż-żgħażagħ.

Biex kwalunkwe strateġija jew policy governattiva tkun suċċess, trid tkun ibbażata fuq provi konkreti, fuq esperjenza u għarfien dwar il-valuri u l-attitudnijiet taż-żgħażagħ. Huwa għalhekk li wara li ġie inawgurat il-Gozo Youth Council f’Għawdex, wara sejħa pubblika Anthony Briffa kien maħtur bħala Gozo Youth Services Coordinator. Is-Sur Briffa kien ukoll membru fl-Eżekuttiv tal-GUG meta kien student fl-Università.

Hija prijorità tal-Gvern li ż-żgħażagħ jiġu inkoraġġuti li jipparteċipaw attivament fis-soċjetà sabiex titkattar il-viżibilità tal-istess żgħażagħ. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex permezz tat-twaqqif tal-Kunsill taż-Żgħażagħ, u issa bil-ħatra tal-Gozo Youth Services Coordinator, attwa wegħda oħra ta’ dan il-gvern biex verament tingħata vuċi liż-żgħażagħ Għawdxin u biex dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ Għawdex. Dan f’oqsma diversi bħall-edukazzjoni u taħriġ, l-impjiegi u n-negozju, is-saħħa, l-attivitajiet volontarji, l-inklużjoni soċjali, u l-kreattività u l-kultura.

Mill-bidu nett ta’ din il-leġiżlatura, il-Ministru għal Għawdex ltaqa’ ma’ dawn l-għaqdiet sabiex jifhem iktar il-bżonnijiet taż-żgħażagħ u l-istudenti Għawdxin. Għawdex jirrekjedi dan it-trattament speċjali għax għandu bżonnijiet speċjali. Huma dawn l-għaqdiet infushom li jridu jkunu pro-attivi u jinsġu politika li verament tkun tinkwadra l-bżonnijiet tagħna.

Filwaqt li l-Ministru feraħ lill-GUG kif ukoll lill-KSU għax-xogħol siewi li jagħmlu f’isem l-istudenti, huwa ħeġġiġhom biex jaħdmu id f’id ma’ Anthony Briffa bħala Youth Services Coordinator sabiex ikun hemm kuntatt iktar kontinwu bejn il-Ministeru u l-Għaqdiet.

Il-Ministru Refalo jemmen bis-sħiħ li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fuq il-mejda tal-konsultazzjoni u għalhekk estenda l-appell tiegħu sabiex iktar għaqdiet u żgħażagħ jersqu ‘l quddiem sabiex bl-ideat u l-involviment tagħhom jistimulaw l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ Għawdex.

More in Socjali