Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi public domain Bill sabiex tiġi protetta l-kosta u qiegħ il-baħar u xi partijiet ta' art oħra billi jkun hemm prevenzjoni tal-kummerċjalizazzjoni tagħhom.
Il-liġi, li nkitbet mill-kelliem Nazzjonalista għall-Ġustizzja Jason Azzopardi tipproponi li l-ewwel 15-il metru ta' kosta u qiegħ il-baħar, ma jistgħux jiġu kkumerċjalizzati.
Din il-liġi tippermetti wkoll lill-NGOs biex jipproponu huma l-biċċiet ta' art li jħossu li għandhom jiġu ddikjarati bħala dominju pubbliku.
Imbagħad, il-Gvern ikollu ċans ta' erba' xhur li fihom ikollu jagħti risposta għal dawn l-istess talbiet.
Il-liġi se tkun qed tagħmel distinzjoni bejn dak li huwa dominju pubbliku u għalhekk ma jkunx jista' jiġi ċedut għal interessi tal-privat, u propjetajiet pubbliċi li jistgħu jkunu suġġetti għal kuntratt privat.
Il-liġi xorta tħalli l-poter lill-Gvern li jkun jista' jċedi partijiet minn dan id-dominju pubbliku, permezz ta' att parlamentari. Però, dan ikun jista' jsir jekk ikunu maġġoranza, l-Membri Parlamentari li jivvutaw favur din id-deklassifikazzjoni ta' art.
Il-liġi taffetwa biss każi futuri u m'għandha l-ebda effett fuq kuntratti li diġà ġew iffirmati.