Il-MPE Roberta Metsola flimkien l-MPE Taljana Cécile Kyenge mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi qed imexxu proċess f’isem il-Parlament Ewropew li permezz tiegħu se jsir rapport dwar l-immigrazzjoni. Dan ir-rapport hu intiż biex ifassal ir-rispons tal-Parlament Ewropew għal terminu medju u twil.
Ir-rapport għandu l-iskop li jgħid x’inizjattivi għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-fluss migratorju fil-Mediterran. Ir-rapport ser iħares lejn kull aspett tal-immigrazzjoni, minn modi ta' kif l-UE tista' torganizza lilha nnifisha biex issalva l-ħajjiet, miżuri biex jitkissru in-networks tat-traffikar, it-titjib fit-tqassim ġust tar-responsabbiltà, l-għajnuna lill-pajjiżi fl-Afrika sub-Saħarjana biex dawn jiġu fuq saqajhom, jiġu eżaminati l-għażliet legali għall-immigrazzjoni, u ssir analiżi ta’ kif l-aħjar jintefqu l-fondi tal-UE f'dan il-qasam.
Il-ġimgħa li għaddiet l-istati Membri tal-UE qablu fuq sensiela ta' miżuri ta' emerġenza maħsuba biex jiġu salvati aktar ħajjiet fil-baħar. Roberta Metsola qalet "il-miżuri li qablu fuqhom il-Prim Ministri huma attentat ta' rispons immedjat għall-kriżi immedjata. Ir-rapport tagħna se jimur lil hinn minn hekk, u ser jeżamina d-dettalji tal-politika tal-UE biex naraw kif u fejn nistgħu nagħmlu titjib. Ser immorru lil hinn mir-rispons immedjat”.
"Din hija sfida kbira, imma konvinta li l-uniku mezz biex nimxu 'l quddiem fuq din il-kwistjoni huwa li kull grupp politiku jħares lil hinn mill-interessi partiġġjani u mill-mandat politiku ta' ħames snin. Hemm bżonn li nimxu lil hinn mir-reazzjonijiet ta' emerġenza meta niġu faċċjati bi kriżi. Jeħtieġ li jkollna tweġibiet għall-immigrazzjoni u l-ażil fuq terminu twil. Nafu li s-sistemi preżenti tal-UE ma joffrux soluzzjoni adegwata, u dan iwassal għal kriżjiet annwali fil-Mediterran. Dawn iridu jieqfu," saħqet Dr Metsola.
Temmet tgħid li: " Cécile Kyenge u jien, bħala l-MPE magħżula biex naħdmu fuq dan ir-rapport, determinati li nippreżentaw rapport li għandu jwassal biex ibiddel il-mod ta' kif l-Ewropa tirrispondi għall-immigrazzjoni."