Fl-okkażżjoni tal-Jum Ewropew dwar is-solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet ġiet organiżżata attività f’San Vinċenz de Paul li għaliha pparteċipaw tfal minn diversi skejjel. Waqt din l-attività ġie inawgurat ġnien botaniku li fih hemm pjanti u siġar indiġeni.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li parti mill-irwol tagħha huwa li tippromovi l-interazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet fejn persuni t’etajiet differenti jiltaqgħu ma’ xulxin, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jitgħallmu mingħand xulxin.
Justyne Caruana qalet li dan il-proġett telaq minn suġġeriment ta’ konsulent li jaħdem f’San Vincenz, Dr Brian Farrugia u li s-Segretarjat immexxi minnha għaraf il-potenzjal ta’ dan il-progett fosthom l-effeti pożittivi li jista’ jkollu. Dan speċjalment fil-kuntest tal-interazzjoni u kuntatt ta’ persuni t’etajiet differenti b’għanijiet u interessi komuni.
Il-proċess ta’ rebranding ta’ San Vinċenz de Paul illum għalhekk laħaq fażi konkreta oħra fejn ambjenti mitluqa ġew rigenerati biex ir-residenti ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar ġewwa San Vinċenz. Dan huwa ġnien li se jikkumplimenta proċess ta’ rinovar li għaddej b’mod kontinwu ġos-swali.
Flimkien ma’ tifla li tattendi skola primarja u Anzjana residenta, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ħawwlet siġra tal-Għargħar f’dan il-ġnien. Hija tenniet tgħid li dan il-proġett huwa sinjifikanti ukoll peress li ġab flimkien diversi persuni u li bis-saħħa tagħhom dan il-proġett seta’ jseħħ. Irringrazzjat b’mod partikolari lill-ħaddiema ta’ San Vinċenz tax-xogħol kollu li għamlu u ħeġġet lill-pubbliku inġenerali biex jiffrekwenta dan il-ġnien.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li s-sabiħ ta’ din l-inizjattiva hi li kif ġo djarhom stess it-tfal spiss ikunu n-nies li jqajmu kuxjenza ambjentali fost il-familji tagħhom, illum it-tfal sawwru dan il-proġett biex igawdu l-anzjani residenti ta’ din ir-residenza.
Huwa sostna li wara li l-għalliema, speċjalment id-diriġenti tal-EKOSKOLA, kienu strumentali biex żergħu kuxjenza qawwija favur l-ambjent fost il-ġenerazzjoni żgħażugħa ta’ pajjiżna, llum qegħdin inkattru s-solidarjeta’ bejn il-ġenerazzjonijiet permezz tal-ambjent.