Illum L-Arċisqof Charles J. Scicluna żar l-bastiment Phoenix, tal-fondazzjoni MOAS fil-Marsa. Din kienet okkażjoni sabiex l-Arċisqof jiltaqa' mal-fundaturi tal-MOAS, Christopher u Regina Catrambone, mal-ekwipaġġ tal-bastiment u ma' għadd ta' volontiera.
"Hija fil-quċċata ta' li tkun uman li tagħti ħajtek, dak li għandek u dak li int, sabiex tgħin lil ħaddieħor. Jalla jkun hemm min isegwi fuq l-eżempju tagħkom" qal l-Arċisqof, hekk kif dan l-istess bastiment privat isalva mijiet ta' immigranti li jkunu fil-periklu huma u jaqsmu l-baħar Mediterran lejn l-Ewropa.
Ġiet iċċelebrata quddiesa, kif ukoll sar it-tberik tal-ekwipaġġ tal-Phoenix - liema bastiment ħa jibda' l-missjoni tal-MOAS ftit jiem oħra fil-Mediterran. Scicluna ppreżenta wkoll donazzjoni mill-fond personali tiegħu ta' karità.