Il-pazjenti huma dawk li jgħaqqadna flimkien – Chris Fearne

Chris Fearne Jilqa’ l-MUMN
Chris Fearne Jilqa’ l-MUMN

Waqt l-ewwel laqgħa uffiċjali tal-Kunsill il-ġdid tal-Union Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li l-pazjent huwa dak li jgħaqqad flimkien lill-union u l-gvern.

Fearne esprima l-konvinzjoni sħiħa tiegħu li b’kollaborazzjoni ħajja bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u l-MUMN il-professjonijiet tal-infermiera u l-qwiebel jistgħu jingħataw dejjem aktar rikonoxximent. “Dan il-Gvern qatt mhu ser jinsa s-sehem sħiħ li għandu l-ħaddiem f’kull skaluna tas-soċjetà u huwa f’dan il-kuntest allura li l-ħidma tad-Dipartiment tas-Saħħa hija ffukata sabiex mhux biss fl-isptarijiet tagħna jkollna n-numru meħtieġ ta’ infermiera u qwiebel iżda daqstant ieħor biex l-infermiera u l-qwiebel tagħna jkollhom il-qafas adegwat sabiex ikomplu jikbru fil-professjoni tagħhom.”

Is-Segretarju Parlamentari qal lill-ILLUM li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ in-numru ta’ infermiera u qwiebel. “Id-Dipartiment tas-Saħħa huwa impenjat li jsaħħaħ l-istrutturi tiegħu grazzi wkoll għall-investiment privat li qed jiġi attirat lejn pajjiżna u li għandu jkompli jagħti lok fejn l-infermiera u l-qwiebel iwessu l-orizzonti tagħhom.”

Żied jgħid li tul dawn l-aħħar sentejn id-Dipartiment tas-Saħħa impjega ’l fuq minn 380 impjegat ġdid bejn infermiera u qwiebel. 

Intant din il-ġimgħa d-direttorat tan-Nursing fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa tella’ seminar li fih qed jiġu diskussi l-aktar metodi adegwati ta’ kif il-professjonijiet tal-infermiera u qwiebel f’pajjiżna jista’ jkollhom qafas li jagħti rikonoxximent u qafas formali lil bosta sferi ta’ speċjalizazzjoni. “F’din it-triq ukoll id-Dipartiment tas-Saħħa qed jaħdem id f’id mal-MUMN u l-pjani juru li fiż-żmien li ġej ser ikun jista’ jiġi implimentat ukoll dan il-pjan ambizzjuż” qal is-Segretarju Parlamentari.

Semma li kemm id-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll l-MUMN jagħmlu ħilithom sabiex jippromwovu dawn iż-żewġ professjonijiet u jħeġġu aktar żgħażagħ jaqbdu din il-linja. “Fil-verità huma l-infermiera u l-qwiebel infushom li b’tant serjeta’ u għożża jagħtu sehemhom b’risq il-pazjenti tagħna li jagħmlu l-akbar reklam għall-professjoni tagħhom.” 

Fi tmiem il-laqgħa Chris Fearne feraħ lill-President tal-MUMN Maria Cutajar, lis-segretarju ġenerali Colin Galea u lill-membri l-oħrajn tal-Kunsill għall-fiduċja kbira li wrew fihom il-kollegi tagħhom qwiebel u infermiera meta afdawhom b’responsabbilita’ daqstant importanti. 

More in Socjali