Agatha Barbara
- Mwielda fil-11 ta’ Marzu 1923
- Mietet fl-4 ta’ Frar 2002 ta’ 78 sena
- L-ewwel President mara ta’ Malta
- Għalliema li qattgħet ħajjitha tbiddel is-sistema t’edukazzjoni f’Malta
minn Christa Boffa
L-ewwel MP mara, l-ewwel ministru mara, l-ewwel Aġent Prim Ministru Mara u fuq kollox l-ewwel President mara – Agatha Barbara tista’ tgħid kienet waħda mill-iżjed nisa li ħalliet impatt fuq l-istorja politika, kif ukoll dik dwar l-irwol tal-mara f’Malta. Imwielda f’Ħaż-Żabbar fil-11 ta’ Marzu tal-1923, kienet it-tieni l-akbar wild mid-disat ulied ta’ Joseph u Antonia.
Għalkemm Barbara jibqa’ isem msemmi l-iżjed fil-politika, il-karriera tagħha bdiet bħala għalliema fi skola waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien fl-1946 li fiha beda jinbet interess fil-politika, li wassalha biex tissieħeb mal-Malta Labour Party. Sena wara kkontestat għall-ewwel elezzjonijiet ġenerali li saru wara li daħlet fis-seħħ il-Kostituzzjoni l-ġdida, fejn ġiet eletta. Dan ifisser li Malta kellha għall-ewwel darba mara eletta fil-Parlament tagħha. Hija kkontestat l-elezzjonijiet kollha li segwew, fejn ġiet eletta kull darba fil-Kamra tar-Rappreżentanti sakemm imbagħad fl-aħħar inħatret il-President tar-Reppublika fl-1982.
Bidla ta’ taħt fuq fl-edukazzjoni
Barbara l-edukazzjoni donnha ma riedet titlaqha qatt. Fit-tieni gvern tal-Gvern Laburista tal-1955, hi ġiet maħtura bħala l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Kultura – u b’hekk saret ukoll l-ewwel mara li qatt kellha dekasteru ministerjali. Ma’ din il-ħatra, Barbara bdiet bil-ħidma tagħha sabiex tbiddel is-sistema edukattiva f’Malta. Kienet hi li bdiet il-proġett sabiex tiġi introdotta l-edukazzjoni obbligatorja u full-time sal-età ta’ 14-il sena. Sabiex dan ikun possibbli, Barbara ordnat kif ukoll għamlet supervizjoni tal-bini kif ukoll tal-espansjoni ta’ 44 skola madwar Malta u Għawdex. Dan kollu kien ifisser ukoll li kellhom jiġu impjegati imbagħad imħarġa mijiet ta’ għalliema ġodda.
Bħala parti mill-proġett inbena wkoll Kulleġġ għat-Taħriġ tal-Għalliema ġdid, li għalkemm għal bidu kien jospita rġiel biss, eventwalment dan beda jħarreġ għalliema nisa u rġiel ukoll fl-istess ħin. L-effettività tal-proġett ta’ Barbara deher mill-ewwel, hekk kif l-edukazzjoni obbligatorja għal kull tifel u tifla bejn l-5 u l-14-il sena daħħlet fis-seħħ f’Settembru tal-1955 – ħames xhur biss wara li saret Ministru tal-Edukazzjoni u tal-Kultura.
Din ir-rieda li tbiddel is-sistema edukattiva taf l-għeruq tagħha lejn tfulitha stess, fejn kienet spiċċat titkarrab lill-ġenituri tagħha sabiex iħallsulha għall-iskola sekondarja – fi żmien fejn din ma kinitx b’xejn u l-familji ftit li xejn kienu jifilħu jħallsu għaliha.
Kienet b’hekk ir-riforma ta’ Barbara li fissret li għall-ewwel darba l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja issa leħqet ukoll lill-massa, li kienu wkoll qed jingħataw kotba u pitazzi b’xejn. Fost l-oħrajn din fissret lil-istudenti ingħataw attenzjoni medika b’xejn kif ukoll transport lil u mill-iskola.
Infetħu wkoll l-ewwel skejjel għal dawk neqsin mid-dawl u mis-smigħ, kif ukoll dawk li jbatu bi problemi mentali fl-1956. Dan kien pass kbir hekk kif sa qabel, nies b’diżabilità kienu miżmuma msakkrin ġewwa mingħajr ma qatt jitħallew joħorġu barra.
Fuq quddiem fil-ġlieda għall-Indipendenza
Bejn l-1958 u l-1964 Barbara ssieltet fil-ġlieda għall-Indipendenza ta’ Malta. Dan għamlitu fost l-oħrajn billi daret madwar l-Ewropa, kif ukoll bi żjara wkoll fil-Ġnus Magħquda fi New York fejn tkellmet favur l-Indipendenza ta’ Malta.
Barbara intbagħtet il-ħabs mill-Qorti influwenz sata mill-Ingliżi wara li kien hemm protesti fit-28 t’April tal-1958 kontra l-okkupazzjoni Ingliża f’Malta – li fihom Barbara kellha rwol attiv. Bejn l-1958 u l-1971 Barbara kienet tmexxi l-ġestjoni ta’ kuljum tal-pubblikazzjonijiet tal-Partit kif ukoll tal-Freedom Press – l-istamperija uffiċjali tal-Partit.
Barbara reġgħet ingħatat id-dekasteru tal-Edukazzjoni u l-Kultura għal darb’oħra fl-1971, meta il-Malta Labour Party reġa’ rebaħ l-elezzjonijiet ġenerali li saru f’dik is-sena. Hawnhekk kompliet tibni fuq dak li kienet kisbet għas-sistema edukattiva Maltija, fejn għamlet riformi oħra lil din is-sistema – inkluż li żżid l-età obbligatorja fl-iskola sa’ 16-il sena. Kien hemm ukoll l-introduzzjoni ta’ skejjel tal-isnajja.
Aktar drittijiet
Barbara għarfet il-bżonn li f’Malta jkun hawn aktar drittijiet għan-nisa – u ħadmet bis-sħiħ sakemm fl-aħħar f’Malta kien hawn paga ugwali għan-nisa u l-irġiel li għandhom inkarigi simili u li jkun hemm leave tal-maternità imħallas. Barra minn hekk rat li jkun hemm ukoll ġimgħa ta’ xogħol magħmula minn 45 siegħa, benefiċċji tal-qagħad, bonus annwali, children’s allowances, 2/3 pensjoni tal-irtirar. Dan kollu fost leġiżlazzjoni soċjali oħra li permezz tagħhom ittejbet il-ħajja tal-Maltin.
Il-ftuħ ta’ bosta mużewijiet nazzjonali
Il-ħidma tagħha fil-kamp tar-riformi ma xekkilx il-ħidma tagħha fuq livell kulturali. Matul iż-żmien li hi kienet risponsabbli għad-dekasteru tal-kultura, ġew imnedija bosta mużewijiet nazzjonali – dak tal-arkitettura, tal-istorja nazzjonali, tal-fine arts, tal-folklor, tal-Istorja Politika f’Malta u tal-Arkeoloġija f’Għawdex.
Il-kultura għal Barbara kienet tfisser li din riedet tinxtered mal-irħula u mal-villaġġi ta’ Malta u Għawdex, u ma tibqax ikkonċentrata biss fil-Belt Valletta. Huwa b’hekk li ddaħħlet politika ġdida fejn fiha n-nies setgħu jipparteċipaw b’mod attiv f’attivitajiet kulturali ġodda. Dan wassal biex ikun hemm rivoluzzjoni fil-mod ta’ kif in-nies iħarsu lejn il-kultura, li issa bdiet tilħaq lil kulħadd aktar minn qatt qabel. Bejn l-1971 u l-1981 Barbara serviet ukoll f’bosta okkażjonijiet bħala Aġent Prim Ministru.
L-Ewwel President Mara
Intant, fl-1974 Malta saret Repubblika, u b’hekk l-awtorità eżekuttiva issa kienet kollha f’idejn President li kien jinħatar mill-Kamra tar-Rappreżentanti. Fi Frar tal-1982 din il-pożizzjoni ingħatat lil Agatha Barbara, fejn b’hekk għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta kien hemm mara fl-irwol ta’ President tar-Repubblika.
Barbara kienet attiva sew fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali fil-kamp tal-karità bħala President. Hija kienet il-Kap tal-Community Chest Fund, li minnu kien jingħata assistenza lid-djar tat-tfal, nies fil-bżonn u nies bi bżonnijiet speċjali. Barra minn hekk nediet fond ieħor, li din id-darba kien għall-dawk li qed imutu bil-ġuħ fl-Etjopja u fis-Sudan – fejn inġabru provvisti mediċinali, kif ukoll tined li kien hemm bżonn għall-kenn li inbagħtu lil dawn il-pajjiżi.
Barbara rtirat fl-1987 f’Ħaż-Żabbar, fl-istess lokalità li mietet fl-4 ta’ Frar tal-2002, tal-età ta’ 78 sena. Tul ħajjitha qatt ma kienet żżewġet, ħaġa li dejjem qajmet xi ftit ta’ għidut f’Malta. Fl-2010 fil-ktieb ta’ Joseph Carmel Chetcuti, Queer Mediterranean Memoirs, jingħad li Barbara ma żżewġitx għaliex fil-fatt kienet omosesswali, filwaqt li min-naħa l-oħra fl-2014 ġew żvelati dawk li aktarx kienu ittri ta’ imħabba bejn Agatha Barbara u membru tan-Navy Rjali li kien stazzjonat f’Malta.
Madanakollu, f’intervista li kienet dehret fil-MaltaToday, Barbara qalet lill-ġurnalista Miriam Dunn li ma tħossx l-ebda dispjaċir li għażlet il-politika fuq li jkollha familja. Sostniet li “kont naf li ma setax ikolli kollox. Kont naf li liema triq kont ħa nieħu, kien ħa jkollha t-tlajja u l-inżul fiha. Din kienet ħaġa li aċċettajt.”