Bosta jgħidu li li tkun omm hija l-isbaħ esperjenza li mara tista’ tgħaddi minnha, imma jidher li hemm postijiet li minħabba raġuni jew oħra, li ssir omm hija esperjenza aħjar meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra – b’mod partikolari lejn in-naħa tat-Tramuntana tal-Ewropa.
Nisa Maltin għandhom 1/8,300 ċans li jmutu minħabba t-tqala – ċifra
Għal kull 1,000 tifel u tifla, ftit aktar minn 6 ma jgħixux aktar minn 5 snin. In-nisa jokkupaw 12.9% mill-pożizzjonijiet fil-gvern nazzjonali. Dan kollu kklassifika lil Malta bħala is-46 l-aħjar post biex tkun omm – eżattament wara l-Kosta Rika, u qabel l-Emirati Għarab Magħquda. Dan ifisser li Malta niżlet b’5 postijiet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, hekk kif fl-2014 ġiet ikklassifikata fil-41 post.
Hekk kif illum niċċelebraw Jum l-Omm, l-organizzazzjoni Save the Children ħarġet is-16-il rapport annwali tat-tip tiegħu msejjaħ l-Istat tal-Ommijiet tad-Dinja, fejn fih tintuża informazzjoni mill-Ġnus Magħquda sabiex tistudja s-sitwazzjoni f’179 pajjiż differenti madwar id-dinja. Permezz ta’ din l-informazzjoni tinħareġ klassifika skont ħames kriterji prinċipali – ir-riskju li n-nisa jmutu kawża tat-tqala u t-twelid, ir-rata ta’ mortalità fit-tfal taħt il-ħames snin, l-istatus edukattiv, il-kisbiet ekonomiċi u l-istatus politiku.
Fil-quċċata tal-lista hemm pajjiżi Ewropej – bin-Norveġja tkun fil-quċċata nett, segwita mill-Fillandja u l-Iżlanda. Il-bqija tal-aħjar 10 pajjiżi huma pajjiżi Ewropej oħra.
Fil-qiegħ nett tal-klassifika, għat-tieni darba konsekuttiva hemm is-Somalja, b’waħda minn kull 18-il omm titlef ħajjitha minħabba t-tqala jew il-ħlas u aktar minn 146 tifel u tifla li ma jgħixux aktar minn ħames snin. Il-pajjiżi f’qiegħ il-klassifika huma kollha mill-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali.
Ħaġa mhux daqstant mistennija hija kif pajjiżi bħalma huma r-Renju Unit u l-Istati Uniti jisabu bejn wieħed u ieħor fl-istess ilma fin-nofs tal-klassifika, bir-Renju Unit jikklassifika fil-24 post u l-Istati Uniti fit-33 post.
Jasmine Whitbread, il-Kap Eżekuttiv ta’ Save the Children International saħqet kif id-differenza evidenti li hemm bejn pajjiżi aktar żviluppati u dawk anqas żviluppati hemm bżonn li tixxejjen – “l-ommijiet u t-tfal ħaqqhom ċans li jgħixu, li jissoppravvivu u li jiksbu l-potenzjal tagħhom.”