Ġurnata waħda fis-sena tkun speċifikament iddedikata għal dak li suppost għandna nagħmlu kull ġurnata tas-sena; nuru l-apprezzament tagħna lejn dik il-persuna li tatna l-ħajja – ommna. Għalkemm hemm diversi jiem differenti li fihom tiġi ċċelebrata din il-festa f’pajjiżi differenti, f’pajjiżna u f’bosta pajjiżi oħra bħall-Amerika, l-Awstralja u l-Kanada, din tiġi ċċelebrata fit-tieni Ħadd ta’ Mejju. Dan b’differenza għall-Ingilterra li tiċċelebra dan il-jum tliet ġimgħat qabel l-Għid il-Kbir.
Ħafna jkunu dawk li jagħżlu li joħorġu lil ommhom biex jieklu, sabiex jiffrankawlha t-tisjir ta’ dakinhar, jagħtuha xi bukkett fjuri, ċikkulatini jew xi kartolina. Però dan ma kienx l-għan prinċipali.
Bħalma ġara fi kważi ċ-ċelebrazzjonijiet kollha, il-prijorità saret il-bejgħ ta’ rigali u mhux il-ħsieb ta’ warajhom.