Malta spiċċat fit-tielet post fl-ILGA-Europe Rainbow map tal-2015, u dan ifisser li telgħet 15-il post f'temp ta' sentejn. Dan kien possibli bl-introduzzjoni tal-unjoni ċivili, il-liġi tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, fost l-oħrajn.
Malta kellha rata ta' 79% fejn jidħlu l-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u dan b'differenza għall-35% li ġabet Malta fl-2013. Qabel Malta, nsibu biss l-Ingilterra b'86% u l-Belġju b'83%, u dan waqt li l-medja Ewropea hi ta' 42%.
Dawn ir-riżultati tħabbru waqt il-ftuħ tal-European IDAHO Forum li kien qed ifakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, Transfobija u l-Bifobija, li qed isir fil-Montenegro.
Dawn ir-rati jirrifletti s-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Ewropa u l-mappa kulur qawsalla tirrapreżenta s-sitwazzjoni tal-politiki u dik legali tal-persuni LGBTI fl-Ewropa fost 49 pajjiż, fejn ir-rata massima li jistgħu jiksbu hija ta' 100%.
"Il-fatt li Malta telgħet fit-tielet post, hija l-aktar ħaġa li tiġbed attenzjoni f'din il-2015 Rainbow Map," stqarret ILGA Europe, waqt li qalet li dan kien possibli minħabba l-progress kbir leġislattiv u kostiuzzjonali li sar fl-aħħar 12-il xahar.
Iċ-chairperson tal-Kunsill Konsultattiv tal-LGBTIQ, Gabi Calleja esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan ir-riżultat pożittiv waqt li qalet li hija kburija li kienet parti minn leġislazzjoni storika matul l-aħħar sena.
Il-pajjiżi li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika huma l-Armenja, ir-Russja u l-Ażerbajġan.
Il-Ministru Helena Dalli, qiegħda tattendi għal dan il-forum fil-Montenegro.