Skont figuri preliminari ta' statistika maħruġa mill-NSO, Malta rreġistrat defiċit kummerċjali ta' €202.3 miljun f'Marzu meta mqabbel mal- €131.7 miljun fl-istess xahar tas-sena ta' qabel.
Minn informazzjoni proviżorja dwar il-kummerċ internazzjonali, deher kif id-defiċit kummerċjali f'Malta kien ta' €202.3 miljun, li jfisser żieda ta' €70.6 miljuni meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta' qabel.
L-importazzjoni rreġistrat żieda ta' €29 miljun waqt li l-esportazzjoni naqset b' €41.6 miljun. Iż-żieda fil-valur tal-importazzjoni kien primarjament minħabba makkinarju u apparat tat-trasport li ammontaw madwar €103.9 miljun. Żidiet oħra ġew irreġistrati fil-qasam tal-ikel, xorb u tabakk fost l-oħrajn.
Il-fuels minerali, il-lubrikanti u materjal relatat kienu r-raguni ewlenija wara t-tnaqqis tal-valur tal-esportazzjoni, li ammonta għal madwar €35.2 miljun.
Matul l-ewwel tliet xhir ta' din is-sena, id-defiċit kummerċjali żdied b'€300.7 miljuni biex jammonta għal €675 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel.
L-importazzjoni żdieded b' €168.4 miljun waqt li l-esportazzjoni rat tnaqqis ta' €132.3 miljuni. L-importazzjoni ta' Malta ta' prodotti mill-UE laħqet is-€693.5 miljuni, jew 45.7% tal-importanzzjoni totali.
L-importazzjoni miż-żona ewro naqset b'€36.2 miljun meta mqabbla mal-istess perjodu fis-sena ta' qabel. L-akbar żieda fl-importazzjoni ġiet reġistrata mill-Kanada, b' €292.8 miljun u l-akbar tnaqqis fl-importazzjoni kien mill-Italja b' €29.9 miljun. Min-naħa tal-esportazzjoni, l-akbar tkabbir deher lejn l-Ingilterra b'żieda ta' €26.5 miljun waqt li l-akbar tnaqqis deher lejn l-Italja b' €35 miljun.