Kien hemm 3,572 inċident tat-traffiku rrapurtat fl-ewwel 3 xhur tal-2015 - żieda ta' 10.1% fuq l-istess tliet xhur tas-sena l-oħra. Ġew irreġistrati żidiet fuq kull distrett -bil-maġġoranza tal-inċidenti jseħħu fil-Port tat-Tramuntana, b'1,374 każ. Dan skont statistika li ħarġet mill-Ufficju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Ġew irrapurtati 362 każijiet b'persuni mweġġa' f'inċident tul l-istess perjodu, fejn 207 minnhom kienu jinvolvu lix-xufiera. Barra minn hekk kien hemm 176 feruti b'mod ħafif, u 31 feruti gravi. Tul dan l-istess perjodu, 33 persuna soffew feriti gravi, waqt li 120 oħra, inkluż 34 persuna li nzertaw mixjin fit-triq dak il-ħin kienu feruti ħafif. Kien hemm ukoll każ minnhom fejn persuna tilfet ħajjitha.
Fl-ogħla numru ta' inċidenti tat-traffiku, 76.5%, kienu involuti karozzi tal-passiġġieri, segwiti minn 16.6% b'muturi, u 5.5% b'vetturi qed iġorru l-merkanzija.
L-ogħla numru ta' persuni feruti f'inċidenti tat-traffiku seħħew nhar ta' Ħadd, waqt li l-ogħla numru ta' inċidenti b'mod ġenerali seħħew nhar ta' Ġimgħa.
L-ogħla numru ta' inċidenti seħħew f'Birkirkara b'283 każ, segwiti mill-Marsa u Ħal Qormi b'208 u 174 każ rispettivament.