Aktar minn 185,000 persuna jingħataw l-ażil mill-UE

L-ogħla numru ta' nies, għal darb'oħra, ġejjin mis-Sirja, segwiti mill-Eritrea

Aktar minn 185,000 persuna ingħataw l-ażil mill-Istati Membri tal-UE tul is-sena 2014 - żieda ta' madwar 50% meta mqabbel mal-2013. Dan skont statistika li nħarġet mill-uffiċju tal-istatistika tal-UE - il-Eurostat.

Mill-2008, aktar minn 750,000 persuna ingħataw il-protezzjoni mill-UE.

L-akbar li ngħataw stat ta' ażil kienu ċittadini tas-Sirja, fejn kienu jammontaw għal 37% tat-total - 68,400 persuna. Wara hemm ċittadini tal-Eritrea b'8% - 14,600, u l-Afghanistan b'8% - 14,100 persuna.

In-numru ta' Sirjani li ngħataw protezzjoni mill-UE rdoppja mill-2013, u tela' b'erba' darbiet mill-2012. Mit-68,400 persuna li ngħataw l-istat ta' ażil, 25,700 minnhom ingħataw fil-Ġermanja u 16,800 fl-Iżvezja. Dan jammonta għal total ta' 60%.

Mill-14,600 persuna mill-Eritrea, 5,300 ingħataw l-ażil fl-Iżvezja, 3,600 fl-Olanda u 2,300 fir-Renju Unit.

5,000 mill-14,100 persuna mill-Afganistan, ngħataw l-ażil mill-Ġermanja u 2,400 mill-Italja.

B'mod ġenerali, Malta tat l-ażil lil 1,295 persuna, 200 ingħataw l-istat ta' refuġjat, 925 protezzjoni sussidjarja u 165 protezzjoni umanitarja. Malta m'għamlet resettlement tal-ebda refuġjat.

 

More in Socjali