
Endeavour - Imnedija skema ġdida ta' boroż ta' studju
€7 miljun investiti f'din l-iskema li toffri tmien oqsma ta' speċjalizzazzjoni

More in Socjali
€7 miljun investiti f'din l-iskema li toffri tmien oqsma ta' speċjalizzazzjoni
Il-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg dalgħodu varaw skema ġdida ta’ boroż ta’ studju permezz ta’ fondi Ewropej.
Matul is-snin li għaddew numru kbir ta’ studenti bbenifikaw minn għadd kbir ta’ boroż ta’ studju biex studenti żgħażagħ u adulti setgħu jkomplu l-istudji tagħhom propju fl-Università ta’ Malta, kif ukoll f’universitajiet oħra barra minn xtutna.
Il-Ministru Bartolo qal li dawn l-iskemi huma importanti biex aktar żgħażagħ jistudjaw fil-livell terzjarju biex pajjiżna jkabbar ekonomija moderna u kompetittiva.
Huwa qal li mil-lum l-applikazzjonijiet jiftħu fuq is-sit myscholarship.gov.mt u l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni jvarjaw f'setturi differenti tal-ekonomija.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg saħaq kif l-iskema ENDEAVOUR hija mibnija fuq is-suċċess li kisbu l-iskemi preċedenti - STEPS u MASTER it! Borg spjega li grazzi għal dawn l-iskemi preċedenti, b’investiment ta’ 14-il miljun, madwar 1,500 gradwat temmew b’suċċess l-istudji tagħhom fil-livel ta’ Masters u Dottorat.
Is-Segretarju Parlamentari qal li biex Malta tkun tista’ tikkompeti f’livell internazzjonali tirrikjedi forza tax-xogħol adegwata u flessibbli. Din tista’ tintlaħaq biss jekk l-istudenti jkomplu l-istudju fuq livell terzjarju. B’hekk l-ENDEAVOUR Scholarship Scheme se tagħti appoġġ għall-edukazzjoni terzjarja ta’ kwalità biex tiżgura li s-suq tax-xogħol Malti ikun fornut bl-aħjar individwi u biex jiggarantixxu li Malta tkun f’pożizzjoni tajba li tikkompeti fuq livell internazzjonali.
Hu tenna jgħid li hemm previst li madwar 1,000 applikant se japplikaw għad-degrees tal-livell 7 u livell 8. B’hekk għaż-żmien li ġej is-somma inizjali ta’ €7 miljun se tkun investita fl-ENDEAVOUR Scholarship Scheme finanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020.
Din l-iskema ENDEAVOUR qed toffri tmien oqsma ta’ speċjalizzazzjoni taħt Grupp A u seba’ oqsma oħra taħt Grupp B.
L-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni fi Grupp A huma:
· Advanced Manufacturing / Manifattura avvanzata
· Creative Industries / Industrija Kreattiva
· Financial Services & Support / Servizzi Finanzjarji
· International Educational Services / Servizzi Edukattivi Internazzjonali
· Life Sciences / Xjenza
· Tourism / Turiżmu
· Transport & Advanced Logistics / Trasport u Loġistika Avvanzata
· Science, Technology, Engineering & Mathematics (STEM) / Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika
L-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni fi Grupp B huma:
· Management & Administration / Maniġment u Amministrazzjoni Pubblika
· Education / Edukazzjoni
· Green Economy / Ekonomija Ħadra
· Health / Saħħa
· High Value Added Manufacturing / Manifattura ta’ Valur Miżjud
· ICT / Informazzjoni, Komunikazzjoni u Teknoloġija
· Veternary Services / Servizzi veterinarji
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema ta’ scholarships se jibqgħu miftuħin sat-12 ta’ Ġunju li ġej.