Il-fenomenu tat-temp El Nino jinstab fi trieqtu fil-Paċifiku tropikali - u jidher li din id-darba, għall-ewwel darba wara ħames snin, ħa jolqot bil-kbir - tant li mistenni li jwassal għall-għarar, imma wkoll nuqqas ta' xita.
Il-Bureau tal-Meterjoloġija tal-Awstralja qed tbassar li dan ħa jkun avveniment "sostanzjali". Dan hu fenomenu li jseħħ meta jkun hemm varjazzjonijiet fit-temperaturi tal-oċeani - liema fenomenu din is-sena għadu fl-istadji bikrija tiegħu imma jaf iwassal għal temp estrem madwar id-dinja.
L-ixjenzati Awstraljani qed ibassru li dan ħa jitqawwa minn Settembru 'il hemm - iżda għadhom ma jafux kemm ħa jkun b'saħtu. David Jones, li jmexxi t-tbassir u l-moniteraġġ tal-klima fl-istess Bureau qal li "Dan hu l-effett propju tal-El Nino, mhux wieħed dgħajjef."
Dan il-fenomenu l-aktar li jinfluwenza huma ż-żoni tal-Paċifiku, speċjalment l-Awstralja, l-Indoneżja u l-ilbiċ tal-Amerika. Madanakollu jħalli impatt fuq il-klima tal-kumplament tad-dinja wkoll. Tant hu hekk li qiegħed jingħad li dan mistenni jwassal għall-borra u xita kbira fir-Renju Unit, aktar mis-soltu.