Iktar minn 9,500 ruħ iżuru l-Forti Sant Iermu

Attendenza sabiħa waqt l-open day organizzata minn Heritage Malta

Waqt Open Day organizzata minn Heritage Malta, il-Ħadd 10 ta’ Mejju, attendew iktar minn 9,500 ruħ. Din kienet l-ewwel Open Day tal-Forti Sant Iermu wara xogħol ta’ restawr estensiv li sar fuq listess forti.

Kienet inizzjattiva li niżlet tajjeb ħafna mal-pubbliku Malti, tant li għal din l-okkażjoni in-nurmu tal-viżitaturi qabżet id-9,500 ruħ.

L-Open Day saret wara proġett ta’ restawr estensiv li tlesta riċentement u wara li sar il-ftuħ uffiċjali fit-8 ta’ Mejju.

Dawk li żaru il-Forti Sant Iermu waqt l-Open Day setgħu jassistu b’xejn għall-parata tal-In Guardia, suq t’artiġjanat, tours tas-sit u tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra ġdid u reenactments filwaqt li kienu fost l-ewwel li esperjenzaw il-preżentazzjonijiet awdjoviżivi ta’ livell għoli ferm li jifformaw parti minn dan is-sit.

Is-suċċess ta’ din l-Open Day ġie wara dak tas-siti kollha li sar f’Jannar u ġimgħa qabel attività kbira fil-Birgu nhar is-17 ta’ Mejju bl-isem “Dawn of the Great Siege – Life at Sea 2015”. Din l-attività se tkun l-ewwel minn serje t’attivitajjiet li qegħda tħejji Heritage Malta sabiex jiġi mfakkar l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir tal-1565.

Attivitajiet bħal dawn huma mezz wieħed biss li permezz tagħhom, Heritage Malta, tagħmel il-wirt kulturali nazzjonali aċċessibli għal kulħadd. Inizjattivi oħra li torganizza Heritage Malta minn żmien għal żmien jinkludu wirjiet, lectures, heritage trails, konferenzi, programmi edukattivi u publikazzjonijiet.

More in Socjali