Qbil biex ikun hemm tqassim aħjar tal-immigranti fost il-membri tal-UE

Aġenda Ewropea dwar l-immigrazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea

Federica Mogherini qalet li permezz ta' din l-aġenda, l-UE lesta biex tindirizza l-kriżi
Federica Mogherini qalet li permezz ta' din l-aġenda, l-UE lesta biex tindirizza l-kriżi

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Aġenda Ewropea fuq l-Immigrazzjoni fejn ġew indirizzati l-miżuri immedjati li għandhom jittieħdu sabiex tiġi indirizzata l-kriżi fil-Mediterran, kif ukoll passi li għandhom jittieħdu fis-snin li ġejjin sabiex tiġi kkontrollata aħjar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni.

L-Aġenda tagħmilha ċara li l-ebda pajjiż m'għandu jitħalla waħdu sabiex jikkontrolla dawn il-problemi. Din l-aġenda tgħaqqad politiki interni u esterni u tgħaqqad l-istati membri tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali u pajjiżi terzi.

Federica Mogherini qalet li bis-saħħa ta' din l-aġenda, "l-UE wriet li hi lesta biex tindirizza l-problemi ta' ta' dawk li qed jaħarbu minn gwerer, persekuzzjoni u faqar. L-immigrazzjoni hi responsabbiltà tal-Istati membri kollha u dawn issa huma msejħa sabiex jagħtu sehemhom sabiex tingħeleb din l-isfida." Kompliet tgħid li minbarra li jiġu salvati n-nies fil-bżonn, hemm bżonn li jkun hemm azzjoni fit-tul sabiex jiġu solvuti l-problemi fl-oriġini bħall-faqar u instabbiltà kkawżata mill-gwerer.

Il-Kumissarju Ewropew Dimitris Avrampopoulos qal li l-Ewropa ma tisax tibqa' siekta waqt li qed jinqerdu tant ħajjiet u din l-aġenda fil-fatt se taħdem fuq il-fatt li għandhom jiġu salvati l-ħajjiet u tgħin lil dawk il-pajjiżi li l-aktar għandhom bżonn.

Azzjoni immedjata

Bħala azzjoni fil-futur qarib, l-Aġenda qed tipproponi diversi inizjattivi fosthom li jiġu triplikati l-fondi u l-riżorsi għall-operazzjonijiet ta' Frontex Triton u Poseidon fl-2015 u l-2016. Fil-fatt, il-baġit Ewropew ġie emendat sabiex jiġu żgurati l-fondi neċessarji, b'total ta' €89 miljun.

Se tkun implimentata sistema ta' distribuzzjoni temporanja għal persuni li jkollhom bżonn ċar ta' protezzjoni, filwaqt li aktar tard, tinħoloq ukoll sistema permanenti ta' rilokazzjoni f'każi ta' emerġenza fejn ikun hemm influss qawwi, sa tmiem is-sena.

Sal-aħħar ta' Mejju, qed jiġi propost ukoll skema ta' rilokazzjoni li għandha toffri 20,000 post mifruxa mal-istati membri kollha għal persuni li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali fl-Ewropa, b'żieda ta' fondi ta' €50 miljun għall-2015 u l-2016.

Finalment se titnieda politika għad-difiża u s-sigurtà sabiex jitkissru n-networks tat-traffikanti u tkompli tiġi miġġielda l-ġlieda kontra t-traffikar ta' persuni.

It-triq 'il quddiem

L-aġenda għall-futur hi bbażata fuq erba' prinċipji, li huma li jiġu mnaqqsa l-inċentivi għall-immigrazzjoni irregolari, maniġġjar tal-fruntieri b'mod aħjar billi jissalvaw il-ħajjiet u jissaħħu l-fruntieri, tiġi introdotta politika komuni dwar l-ażil li tippermetti lill-Ewropa biex tgħin u taqta' l-abbużi, kif ukoll politika ġdida dwar l-imigrazzjoni legali.

L-Aġenda Ewropea dwar l-Immigrazzjoni proposta mill-KE
L-Aġenda Ewropea dwar l-Immigrazzjoni proposta mill-KE

L-MEP Maltija Roberta Metsola qalet li din hija aġenda ambizzjuża u li turi li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. "Il-politika l-ġdida fuq l-immigrazzjoni hija pass 'il quddiem biex ikun hemm tqassim ġust tar-responsabbiltà fuq l-immigrazzjoni minn ulħadd, però issa jeħtieġ li dak li mill-kliem naqilbu għall-fatti," żiedet tgħid Metsola.

Min-naħa tagħha, l-MEP Miriam Dalli qalet li din l-aġenda hija pass pożittiv u jeħtieġ li l-istati membri kollha jagħmlu l-parti tagħhom biex din l-aġenda sseħħ verament. Minkejja dan, Dalli żieded tgħid, "Din hija responsabbiltà Ewropea u mhux biss ta' pajjiżi li jinsabu viċin il-fruntiera bħal Malta u l-Italja. Minkejja dan, sabiex din is-sistema ta' distribuzzjoni tkun effetiva, hemm bżonn li jkun hemm reviżjoni tas-sistema preżenti tal-Ażil ta' Dublin."

More in Socjali