Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia nieda l-‘Welcome Spring Festival’, attività li se ssir nhar il-Ħadd 17 ta’ Mejju.
Il-‘Welcome Spring Festival 2015’ hija attività li qed issir għar-raba’ darba iżda l-ewwel darba fil-Mosta.
Il-Ministru Michael Farrugia qal illi ta’ kull sena tiġi organizzata din l-attività frott il-ħidma li ċ-ċentru LEAP tal-Qawra jagħmel biex isaħħaħ is-sinerġija bejn l-entitajiet governattivi kif ukoll dawk volontarji.
Il-Ministru Farrugia qal illi l-attivtà tal-Ħadd li ġej hija esperjenza pożittiva fejn permezz tagħha se jkun hemm spazju miftuħ li se jkun qed jippromwovi diversi inizjattivi pożittivi li qed jiġru fir-reġjun tat-tramuntana.
Matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Farrugia semma illi l-ħidma taċ-ċentri LEAP qed tħalli ħafna frott bil-provi għax permezz tal-kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet qed ikunu organizzati diversi inizjattivi li qed jagħtu vuċi lir-residenti filwaqt li jkunu segwiti b’numru ta’ attivitajiet u proġetti li jkunu qed isiru bis-sehem attiv tal-komunità.
Il-Ministru Farrugia qal illi fl-aħħar xhur il-ħidma taċ-ċentri LEAP kienet ukoll riflessa f’numru ta’ nies li ħarġu fid-dinja tax-xogħol u nqataw minn fuq il-benefiċċji soċjali.
Il-‘Welcome Spring Festival’ qed jitella’ miċ-ċentru LEAP tal-Qawra r-reġjun Tramuntana li qed jaħdmu ma’ diversi organizzazjonijiet inkluż, il-pulizija, ETC, Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, il-Fondazzjoni għall-Servizzi Edukattivi, il-Kunsill Malti għas-settur tal-volontarjat, Kunsilli Lokali u diversi NGOs.
Dan kollu se jkun imżewwaq b’diversi attrazzjonijiet inkluż dawk ta’ re-enactment tat-tieni gwerra dinija permezz tal-vetturi u inizjattivi oħrajn, esibizzjoni ta’ talent lokali bħal drama, kant u żfin u anke spazji dedikati għat-tfal, għall-isport u l-ikel flimkien ma’ attivitajiet għall-familja kollha.
Il-Ministru Farrugia rringrazzja lis-segretarjat responsabbli mill-Kunsilli Lokali għall-allokazzjoni ta fondi biex din l-inizjattiva setgħet tkun organizzata, lill-kunsilli lokali kollha tar-reġjun li għarfu l-impenn tagħhom favur din l-inizjattiva, lil kunsill lokali tal-Mosta tal-appoġġ li qed joffri u anke tal-allokazzjoni tal-post, l-ELC u lil dawk kollha li b’xi mod qed jagħtu s-sehem tagħhom.
Il-Ministru Farrugia tenna illi jħeġġeġ lill-familji jattendu għall-‘Welcome Spring Festival’, li se jsir nhar il-Hadd 17 ta’ Mejju 2015 bejn l-10am u 17.00pm fil-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta.