It-13 ta’ Mejju 2015 se jibqa’ marbut mal-istorja tad-Dar tal-Providenza bl-inawgurazzjoni ta’ Misraħ San Giovanni XXIII imma aktar importanti mat-talba li Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna għamel lil Fr Martijn Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, biex jagħmel talba bil-miktub biex jinbeda l-proċess għall-beatifikazzjoni tal-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi.
Dun Mikiel, kif inhu l-aktar magħruf, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, ftit tal-jiem ilu iddeskriva lil Dun Mikiel bħala qassis qaddis, dinamiku li kien kapaċi joħlom u jwettaq. Alla bagħtu biex ikun ragħaj tal-poplu tiegħu u hekk għamel b’ħafna mħabba l-ewwel fl-Azzjoni Kattolika Maltija fejn fost ħafna affarijiet oħra waqqaf il-Kummissjoni Ħidma Morda u Persuni b’Diżabilità. Minn hemm Dun Mikiel kompla biex waqqaf id-Dar tal-Providenza, propju ħamsin sena ilu, fejn ġabar il-persuni b’diżabilità li kienu moħbija u mwarrba mis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien.