L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali għas-sigurtà fit-toroq

Il-Kunsill Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq iffurmat minn għadd ta’ federazzjonijiet u assoċjazzjonijiet minn diversi setturi, iltaqa’ għall-ewwel darba b’mod uffiċjali.

Dan wara li l-membri tal-Kunsill kienu ltaqgħu b’mod informali mal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi kif ukoll maċ-Ċermen ta’ Transport Malta James Piscopo.

Pierre Vella, li nħatar mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura biex jikkordina l-operat tal-Kunsill, qal li l-fatt li l-awtoritajiet ewlenin qegħdin jirrikonoxxu l-importanza tas-sigurta fit-toroq tagħna, kif ukoll il-fatt li hemm impenn personali kemm mill-ministru responsabbli kif ukoll miċ-ċermen tal-awtorità regolatorja, jawgura tajjeb ħafna. Dan minbarra l-fatt li pajjiżna ngħaqad mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej biex dan il-qasam jingħata prijorità fuq livell internazzjonali.

Il-Kunsill Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq huwa ffurmat minn rappreżentanti mill-Protezzjoni Ċivili, mill-Korp tal-Pulizija, mill-assoċjazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji tal-assigurazzjoni, Transport Malta, id-Dipartiment tas-Saħħa, il-Federazzjoni taċ-Ċiklisti, il-Kummissarju għat-Tfal, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, 2 Wheels Foundation, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, l-Għaqda Żwiemel u Kultura u l-Intelligent Transport Systems Committee.

Matul l-ewwel laqgħa, iċ-Chairperson tal-Kunsill Roderick Vella qal li kull membru għandu x’joffri lil dan il-Kunsill u lill-pajjiż biex jara titjib fis-sigurtà tat-toroq Maltin. Huwa esprima x-xewqa tiegħu li dan il-Kunsill ikun storja ta’ suċċess li minnu jgawdi l-pajjiż kollu, waqt li sostna wkoll li l-membri għandhom ir-rwol li joħorġu bi proposti fattwali u fejn jaraw nuqqas iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom u joħorġu b’alternattivi u bi proposti aħjar.

Il-membri se jkollhom ir-responsabbiltà li jġibu l-osservazzjonijiet tagħhom għall-attenzjoni tal-Kunsill biex isir dak kollu possibli. Dawn l-osservazzjonijiet imbagħad jitressqu quddiem il-ministru responsabbli li jkun mgħarraf regolarment bil-proposti li jsiru matul il-laqgħat tal-Kunsill.

Il-Kunsill se jkun qed jaħdem ukoll fuq attivitajiet u promozzjoni fuq il-funzjoni tiegħu, speċjalment f’dik li hija edukazzjoni u dixxiplina kif ukoll dwar l-impenn tiegħu lejn is-sigurtà fit-toroq.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li Transport Malta qed tieħu diversi miżuri biex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq. Li x-xogħlijiet fit-toroq, fejn possibbli, qed isiru billejl, hija waħda minnhom, iżda qatt ma huwa biżżejjed.

“Sfortunatament għadna naraw persuni bil-mobajl waqt is-sewqan, sewwieqa li ma jsegwux id-direzzjonijiet tat-traffiku u jmorru kontra t-tabelli biex jiffrankaw ftit minuti bir-riskju li jpoġġu l-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu u oħrajn li jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb.” Il-Ministru temm jgħid li l-iskop tal-Kunsill huwa li l-membri tiegħu jagħtu l-pariri u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri li fl-opinjoni tagħhom għandhom jittieħdu biex inkomplu nsaħħu l-profil tas-sigurtà fit-toroq ta’ Malta.

More in Socjali