Ix-xahar ta' April f’Malta kien ftit iktar kiesaħ u niexef minn dak li huwa normalment esperjenzat matul dan il-perijodu. Bħala ammont ta' xita, inġabret b'kollox total ta’ 4.6mm, li huwa konsiderevolment inqas minn norma ta' 20.8mm.
Sadanittant it-temperatura medja kienet ta’ 15.9°Ċ, li hija ftit inqas minn norma ta’ April ta’ 16.1°Ċ.
It-temperatura medja tal-wiċċ tal-baħar kienet 0.4°Ċ aktar sħuna minn norma tal-klima għal April u laħqet 16.5°Ċ.
Ix-xahar li għadda t-temperatura massima medja madwar il-Gżejjer Maltin laħqet 19.7°Ċ waqt li t-temperatura minima medja niżlet għal 12.1°Ċ. Normalment it-temperatura massima medja tkun 19.8°Ċ waqt li t-temperatura minima medja tkun ta’ 12.4°Ċ.
L-iktar jum sħun kien nhar it-18 tax-xahar meta t-termometri laħqu massimu ta’ 26.1°Ċ. Sadanittant, l-iktar lejl kiesaħ kien fil-11 tax-xahar b’temperatura minima estrema ta’ 7.4°Ċ.
L-umdità relattiva medja għal Malta f’April kienet ta’ 75 fil-mija, li hija ftit inqas minn norma ta’ 77 fil-mija. Iċ-ċpar fil-baxx deher fis-16 tax-xahar, waqt li fl-24 tax-xahar kienet rappurtata ġurnata bis-sajjetti.
L-aktar ġurnata sħuna f’April f’Malta kienet reġistrata 30 sena ilu meta t-temperatura kienet 30.5°Ċ fid-9 tax-xahar. Sadanittant, l-iktar lejl kiesaħ li qatt kien reġistart f’April kien fl-1956, meta fl-10 tax-xahar it-temperatura niżlet għal 4.4°C.