Għadu mhux jitqassam l-ikel lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà

Il-programm EU FEAD għadu mhux jitħaddem minħabba li għad fadal proċeduri amministrattivi

Il-programm tal-UE li permezz tiegħu jingħata ikel lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, magħruf bħala UE FEAD (Fund for European Aid to the most Deprived) din is-sena għadu mhux qed jitħaddem.

Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia wara mistoqsija li saritlu fil-parlament mill-MP Beppe Fenech Adami, fejn staqsa jekk dan il-programm hux qed jitħaddem, fejn ser jingħata ikel lil dawk l-aktar vulnerabbli, u jekk il-Ministru setax jagħti data li fiha ser jibda jtqassam dan l-ikel.

Farrugia sostna li minħabba li "għad fadal proċeduri amministrattivi li jridu jiġu konklużi, partikolarment l-aġġudikazzjoni tat-tender għall-fornitur tal-prodotti li se jkunu qed jitqassmu u l-għażla tal-partner organisation/s li ser jieħdu ħsieb it-tqassim tal-ikel."

Kompla jgħid li dawk li applikaw meta ħarġet l-ewwel sejħa taż-żewġ sejħiet, ma kienux teknikament konformi mal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa - ħaġa li tefgħet il-proċess lura.

Hu kkonferma li ser joħorġu s-sejħiet il-ġodda se jerġgħu jinħarġu f’qasir żmien, fejn hu previst li t-tqassim jibda jsir aktar tard tul din is-sena  minn diversi ċentri mifruxin madwar Malta u Għawdex.

More in Socjali