Maltin investigati fl-Italja dwar allegati tbagħbis fil-logħob tal-futbol

L-eks president tal-Imsida St Joseph Robert Farrugia u ibnu Adrian fost 50 persuna investigati fl-Italja

L-eks president tal-Imsida St Joseph Robert Farrugia, kif ukoll ibnu Adrian huma fost 50 persuna li qed jiġu investigati mill-pulizija Taljana dwar allegati tbagħbis fil-logħob fil-Lega Pro u Serie D. Fl-istess allegazzjonijiet qed jiġi investigat ukoll l-eks direttur tal-Gudja United, Felice Bellini li huwa ta' nazzjonalità Taljana.

Il-mezzi tax-xandir Taljani qed jgħidu li hemm 70 persuna oħra li qed jiġu interrogati.

Fost dawk arrestati hemm plejers u diretturi minn 30 klabb differenti. Huma qed jiġu akkużati li kellhom assoċjazzjoni kriminali għal frodi fl-isports, f'li ċertu każijiet kienu assoċjati mal-kriminalità organizzata - b'mod partikolari l-mafia tan-Nofsinhar tal-Italja Ndrangheta.

Il-gazzetta Taljana La Repubblica rrapurtat li fost dawk li qed jiġu investigati hemm plejers, presidenti ta' klabbs, managers u negozjanti mis-Serbja, Malta, iċ-Ċina, il-Kazakhstan, ir-Russja u l-Italja. Dawn kienu jagħmlu mħatri fuq logħob kemm tas-Serie D, tal-Lega Pro (li kienet qabel magħrufa bħala Serie C) imma wkoll logħob tas-Serie B.

 

More in Socjali