Ħadd ma jieħu gost jeħel fil-konġestjoni tat-traffiku, aħseb u ara jekk tkun fi trieqtek lejn l-isptar biex twelled tarbija. Xena li mdorrijin naraw forsi aktar fil-films seħħet dalgħodu, hekk kif fit-8am l-pulizija ġew ikkuntattjati minn koppja li talbu l-assistenza tagħhom.
Dan hekk kif il-kontrazzjonijiet tal-mara, li kienet ser twelled, u li flimkien mar-raġel tagħha kienu qed jipprovaw jaslu l-Mater Dei, weħlu fit-traffiku u l-unika soluzzjoni li setgħu jaħsbu fiha kienet propjament li jċemplu lill-pulizija għall-għajnuna.
Żewġ uffiċjali tal-pulizija, PC 248 Anthony Axiaq u PC 1256 Simon Schembri ġrew lejn il-post sabiex ikunu jistgħu jintervjenu, fejn ikkordinaw it-traffiku b'tali mod li ħalla lir-raġel jgħaddi mit-traffiku li kien hemm. Uffiċjal ieħor SM 888 Dunstan Camilleri stenna ħdejn il-Mater Dei ħalli jara li ma jeħlux huma u dieħlin fl-isptar.
Huma sostnew li dan kollu huwa parti minn xogħlhom, li iżda, skont il-paġna ta' Facebook tal-komunikazzjonijiet tal-Pulizija, kienet aħbar li tajjeb li tinxtered fost is-segwaċi u l-pubbliku.