Mis-sena akkademika bejn l-1991-1992, in-numru ta’ studenti min-Nofsinhar ta’ Malta li attendew l-Università sparaw ’il fuq f’ċertu, b’mod partikolari f’ċertu lokalitajiet fis-sena akkademika 2014-2015.
Jidher li l-akbar titjieb ġie rreġistrat f’Wied il-Għajn, fejn in-numru ta’ studenti bi ħdax-il darba – fejn fl-1991 daħlu 28 student l-Università meta mqabbel mal-335 li daħlu fl-2014. Ġew irreġistrati qabżiet kbar fil-lokalitajiet tal-Kalkara, li rat żieda b’sitt darbiet, fejn fl-1991 kien hemm 28 student l-Università, li żdiedu għal 80 fl-2014.
Dan intqal waqt mistoqsija parlamentari li saret mill-MP Mario Galea lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo waqt seduta parlamentari din il-ġimgħa. Galea talab lill-Ministru “jgħid kemm kien hemm studenti jattendu l-Università ta’ Malta fl-1986 fl-inħawi ta’ iż-Żejtun, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn, Bormla, l-Isla u il-Kalkara u jgħid kemm hemm studenti jattendu l-Università ta’ Malta mill-istess inħawi llum”, fejn minħabba li l-informazzjoni għall-1986 ma kinitx disponibbli, tressqet l-informazzjoni għas-sena akkademika 1991/1992.
Fil-Fgura kien hemm żieda minn 117 għal 263 bejn is-snin ikkonċernati, f’Ħaż-Żabbar 105 għal 320 u fiż-Żejtun 83 għal 214 student.
Minkejja li ġie reġistrat żieda f’kull lokalità li ġiet imsemmija, f’Bormla u l-Isla ż-żieda kienet waħda marġinali, hekk kif fl0isla kien hemm żieda minn 11 għal 27 student, u f’Bormla kien hemm żieda ta’ 6 studenti biss, fejn fl-1991 kien hemm 41 student l-università, u fl-2014, 47.