Konferenza dwar l-alka bħala sors għall-biodiesel

Il-Proġett MED-ALGAE: Produzzjoni tal-Biodiesel mill-Alka Mikroskopika fil-Pajjiżi tal-Mediterran

Il-Fondazzjoni Temi Zammit (FTZ), kif ukoll il-Malta Intelligent Energy Management Agency (MIEMA), huma s-sieħba Maltin fil-proġett "Production of biofuels from microalgae in selected Mediterranean Countries ENPI (MED-ALGAE)". Il-proġett huwa ffinanzjat mill-Programm tal-Unjoni Ewropea ENPI CBCMed – Koperazzjoni Trasperiferali fil-Mediterran.

Il-konsorzju tal-proġett jikkonsisti minn 12-il organizzazzjoni, fosthom istituti ta’ riċerka u akkademiċi, aġenziji tal-enerġija, kif ukoll organizzazzjonijiet privati minn sitt pajjiżi tal-Mediterran, jiġifieri Ċipru, l-Italja, il-Greċja, Malta, l-Eġittu u l-Libanu.

It-tibdil fil-klima tad-dinja qed iqanqal interess kbir fl-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija li tiġġedded, fosthom dawk li jistgħu isiru bijoloġikament, bħall-biodiesel. Barra minn hekk, il-ħażniet taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, li huma sorsi ta’ enerġija hekk imsejħa fossili, m’humiex għal dejjem, u fil-fatt mistennijin li jonqsu sew matul il-ftit għexieren ta’ snin li ġejjin. Fl-istess ħin, id-domanda globali għall-enerġija qegħda dejjem tikber.

Matul dawn l-aħħar għaxar snin kiber ħafna l-interess fil-produzzjoni tal-biofuels mill-alka mikroskopika, u dan minħabba li din it-tip ta’ alka fiha kontenut għoli ta’ żejt. Dan iż-żejt jista’ jissarraf fi fuel għal kull tip ta’ vettura, inkluż għall-ajruplani.

Il-proġett MED-ALGAE qed jgħarrex l-istadji kollha tal-produzzjoni, mill-ġbir tal-kampjuni tal-ilma baħar jew ilma ħelu, l-għażla u t-tkabbir tal-alka, il-ħsad, kif isir il-prodott finali, u l-ittestjar tal-prodott skond standard internazzjonali. Twaqqaf wkoll proġett pilota f’kull wieħed mill-ħames pajjiżi parteċipanti fl-istudji fuq it-territorju, jiġifieri Ċipru, l-Italja, Malta, il-Libanu u l-Eġittu.

Hawn Malta, l-impjant dimostrattiv ġie stallat l-ewwel fuq il-bejt tal-Istitut tax-Xjenza Applikata fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST), u issa f’sit tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), f’Bulebel.  Fuq stedina tal-Fondazzjoni Temi Zammit, il-ġurnalisti żaru l-impjant biex jifhmu kif qed jaħdem il-proċess kollu. 

Min hu interessat li jsir jaf iktar huwa mitlub jikteb lill-Fondazzjoni fuq [email protected]

More in Socjali