Il-Kummissjoni Ewropea poġġiet gamiema Ewropea fil-lista tal-aktar speċi vulnerabbli li jiġu estinti. Dan jaf iwassal biex issir reviżjoni tal-fatt li dan l-għasfur jista' jiġi kkaċjat.
Bird Life Malta, rrappreżentata mid-direttur Steve Micklewright u l-manager għall-konservazzjoni Nicholas Barbara ħabbru din l-aħbar f'konferenza stampa dalgħodu.
Il-lista t'għasafar ġiet ppreżentata wara riċerka estensiva dwar l-ispeċi differenti, u turi li l-gamiema wasslet kważi biex ssir speċi fil-periklu t'estinzjoni - bil-popolazzjoni tagħha tara tnaqqis ta' 80% mit-80ijiet. Il-lista ġiet miġbura f'daqqa minn Bird Life Malta, u għandha l-appoġġ tal-organizzazzjoni tal-konservazzjoni internazzjonali The International Union for Conservation of Nature.
L-istudju sar fuq 533 speċi, b'170 minnhom marbuta ma' Malta. Ir-rapport juri li wieħed mill-aktar fatturi li qed inaqqas il-popolazzjoni hija l-kaċċa fuq l-gamiem.
Bird Life sejħet għal reviżjoni min-naħa tal-gvern dwar il-kaċċa fuq l-ispeċi, issa li din l-ispeċi ngħatat status ta' konservazzjoni ġdid. Sostniet li l-istati membri l-oħra diġà daħħlu fis-seħħ kontrolli fuq il-kaċċa.