L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta ra żieda ta' 9.9% fl-ammont ta' turisti fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra - b'total ta' 441,943 passiġġier f'Mejju. Din hija figura rekord - ogħla min-numru ta' passiġġieri li ġew rreġistrati fl-aktar xahar impenjttiv - f'Awwissu tal-2011 fejn kien hemm 427,575 passiġġier.
Din is-sena l-iskeda tas-sajf ħa tkun akar impenjttiva hekk kif hemm żewġ rotot ġodda għal Helsinki u Warsaw, u ħames linji tal ajru ġodda, kif ukoll xi rotot li saru aktar frekwenti meta mqabbla mas-sena l-oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, Alan Borg qal li dan it-tkabbir juri li l-isforzi kollaborattivi bejn il-Gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex is-suq tat-turiżmu ma joperax biss fuq livell staġġjonali qed jaħdmu. "Dawn il-figuri jħeġġuna ninvestu aktar fis-swieq ġodda filwaqt li kontinwament intejbu l-esperjenza tal-konsumatur fl-ajruport."
Għal darb'oħra l-aktar li ġew turisti fl-ajruport kienu mir-Renju Unit, li għolew b'1.5% meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena l-oħra. It-traffiku mill-Ġermanja żdied b'32.1% b'riżultat tal-operazzjonijiet "cruise and fly" li bdew xahrejn qabel is-sena l-oħra. Kien hemm ukoll tkabbir ta' 15.4% fit-turisti Taljani.