Proġett għal aktar kuxjenza dwar il-konsum tal-ikel

"We Eat Responsibly" huwa proġett f'kollaborazzjoni ma' tmien pajjiżi oħra Ewropej

Waqt it-tnedija ta'
Waqt it-tnedija ta' "We Eat Responsibly"

Waqt it-tnedija tal-proġett ta’ 3 snin bl-isem ta’ We Eat Responsibly fuq il-Konsum Sostenibbli tal-Ikel minn fondi Ewropej, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat sostna li dan il-proġett huwa prova konkreta tas-sostenibbiltà fl-ikel.

Dan il-proġett, li qed isir f’kollaborazzjoni ma’ tmien pajjiżi oħra Ewropej, jagħmel parti min-network internazzjonali tal-EkoSkola u huwa mmirat biex tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-konsum tal-ikel hekk kif l-inizjattivi tal-UE qed jiffukaw aktar fuq is-sigurtà, il-konsum sostenibbli kif ukoll it-tnaqqis fl-iskart tal-ikel.

“L-involviment dirett tal-EkoSkola u tal-għalliema ta’ dawn l-iskejjel flimkien mal-kompetenza tal-esperta miġjuba mir-Repubblika Ċeka għandhom jiżguraw li dan il-proġett innovattiv ikun suċċess,” sostna l-Ministru Brincat.

Il-Ministru Brincat tkellem ukoll fuq kif l-ikel qed ibiddel id-dinja ta’ madwarna u għalhekk enfasizza li huwa essenzjali li jkunu stabbiliti sistemi ta’ ikel aktar sostenibbli.

Apparti minn hekk, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima semma’ kif l-edukazzjoni għandha sehem importanti x’tilgħab f’dan il-proċess sabiex in-nies, b’mod partikolari t-tfal, ikunu konxji tal-fatt li l-għażla tal-ikel tagħna taffettwa l-bżonn, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel innifsu.

Kien hawnhekk li semma’ l-importanza li għandhom l-iskejjel u l-ġenituri biex jgħinu lit-tfal minn età żgħira jieklu ikel li hu tajjeb għas-saħħa.“L-ewwel irid ikun żgurat li dawn il-bidliet iseħħu fl-iskejjel u fid-djar biex b’hekk it-tfal jidraw jieklu ikel tajjeb għas-saħħa minn età tenera,” tenna Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima.

More in Socjali