Is-Sondaġġ dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien li sar fl-2013 wera li 9.5% tal-persuni bdew jgħixu fi djar u familji b'nuqqas materjali.
Ir-rizultati tal-istess sondaġġ juri wkoll li 24% tat-tfal taħt it-18-il sena kienu fir-riskju tal-faqar. Minnhom, dawk li l-aktar kienu f'riskju, b'figura ta' 72.6%, kienu dawk li kienu ġejjin minn familji b'intensità baxxa ta' xogħol.
Min-naħa l-oħra, ir-rata ta' tfal fir-riskju ta' faqar li ġejjin minn familji ta' ħames jew aktar persuni kienet dik ta' 28.5%, filwaqt li 45.9% kienu tfal jgħixu ma' ġenitur wieħed.
Intant, 14.9% tal-persuni b'età ogħla minn 65 sena kienu fir-riskju tal-faqar.
Skont informazzjoni li nġabret mill-familji, 16.7% tat-tfal kienu qed jgħixu fi djar li ma jifilħux iħallsu għal ikla b'laħam, tiġieġ, ħut, jew l-ekwivalent veġitarjan tagħhom jum iva u jum le. Il-figura għall-persuni 'l fuq minn 65 sena kienet ta' 10.7%.
Indikatur ieħor kien l-abilita li d-dar tinżamm sħuna fix-xitwa - fejn 22.9% tat-tfal u 23.5% tal-anzjani kienu qed jgħixu f'dar fejn ma jifilħux iħallsu għal dan.
Is-sondaġġ wera wkoll li 11.8% tal-persuni taħt it-18-il sena li kienu severament nieqsa materjalment - bil-figura għall-persuni 'l fuq minn 65 sena tkun ta' 7.1%.