Iljieli Melleħin 2015

B’risq il-Malta Community Chest Fund

Erbat ijiem ta’ ċelebrazzjoni fejn il-Mellieħa se turi dak kollu li għandha x’toffri
Erbat ijiem ta’ ċelebrazzjoni fejn il-Mellieħa se turi dak kollu li għandha x’toffri

It-tmien edizzjoni tal-Iljieli Melleħin, organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, se tkun qiegħda sseħħ lejn l-aħħar ta’ Lulju u l-bidu t’Awwissu 2015, eżattament mit-30 ta’ Lulju 2015 sat-2 t’Awwissu 2015. Din l-attività, li issa daħlet sew fil-kalendarju kulturali Malti, tiġbed eluf ta’ persuni lejn il-Mellieħa. Matul dawn l-iljieli dawk kollha li jattendu għandhom l-opportunità li jgawdu l-aqwa elementi li taf toffri l-komunità Melliħija. Din l-attività qiegħda tittella’ bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.

Il-Ħamis 30 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jkun qiegħed jiċċelebra Jum il-Kunsill. Matul din il-lejla, tittella’ attività sinifikanti ħafna fejn ix-xogħol ta’ diversi persuni minn oqsma differenti tal-ħajja jiġi rikonoxxut wara qbil unanimu mill-Kunsilliera kollha. Għall-ewwel darba din l-attività qiegħda tkun organizzata fil-Bitħa tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa u matulha se jittellgħu diversi skeċis folkloristiċi.

Il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju se jittella’ kunċert spettakolari fil-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa. Għal din is-sena l-Kunsill Lokali ħaseb sabiex jorganizza kunċert ta’ mużika tas-snin 80 u 90. Matul din il-lejla se jieħdu sehem DJ Max, issegwi l-Paul Abela Big Band flimkien mal-kantanti Jasmine, Georgina Abela u Olivia Lewis. Jagħlaq is-serata DJ Pierre Cordina. Matul din il-lejla se jinġabru donazzjonijiet għall-Malta Community Chest Fund.

Is-Sibt 1 u l-Ħadd 2 t’Awwissu t-toroq prinċipali u l-pjazez tal-Mellieħa se jkunu magħluqa għat-traffiku. Matul dawn iż-żewġt iljieli se tispikka varjetà ta’ arti, mużika, kultura, sports u ikel. Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-aqwa kantanti lokali u kif ukoll diversi animazzjonijiet għat-tfal, imqassma fuq tliet palkijiet differenti, u kif ukoll diversi forom ta’ arti mqassma mat-toroq ewlenin tal-Mellieħa. Attrazzjonijiet oħra jinkludu artisti u mużiċisti lokali u kif ukoll animazzjoni għat-tfal.

Għal sena oħra se jkun hemm numru rekord ta’ artisti li se jkunu qegħdin ipinġu u jesebixxu x-xogħol tagħhom fil-Bitħa tas-Santwarju. Fl-istess Bitħa tas-Santwarju se tittella’ esebizzjoni li d-dħul minnha se jmur għall-Malta Community Chest Fund.

Għal dawk kollha li jħobbu l-karozzi, fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm wirjiet ta’ karozzi statiċi, drifting u off-roading. Il-wirja statika se jkollha karozzi Maltin u kif ukoll karozzi barranin. Se jkun hemm ukoll sezzjoni għal trakkijiet antiki u kif ukoll karozzi tal-linja Maltin antiki. Mill-banda l-oħra, se jinħolqu tliet xenarji kontrollati fejn se jittellgħu wirjiet tal-off-roading, hillclimb u tad-drifting. Sewwieqa professjonali se jkunu qegħdin jieħdu sehem bil-vetturi tagħhom sabiex ipaxxu lil dawk kollha preżenti.

Mhux hekk biss, is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, li għandu iktar minn elfejn sena, se jkun miftuħ għall-pubbliku, fejn anke se jkunu għaddejjin kunċerti korali f’dan l-ambjent. Għal dawk li jinteressahom żmien il-Gwerra, se jkunu jistgħu jżuru x-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija, fejn anke se jkun hemm gwidi apposta għall-pubbliku. Se tittella’ wkoll esebizzjoni ta’ vetturi u armamenti ta’ żmien il-Gwerra.

Għal kull min japprezza l-ikel se jkollhom xalata u varjetà ta’ ikel, fejn it-toroq prinċipali tal-Mellieħa se jkunu armati bl-imwejjed u siġġijiet attrezzati apposta al fresco sabiex wieħed japprezza l-ikel bnin ipprovdut mill-aqwa restoranti li jinsabu fil-Mellieħa.

Kulħadd huwa mħeġġeġ jattendi bi ħġaru matul dawn l-erbat iljieli għal din l-attività annwali fil-Mellieħa. Dawn huma erbat iljieli trasformati f’ċelebrazzjoni kbira għall-familja kollha, fejn il-Mellieħa se turi dak kollu li għandha x’toffri.

More in Socjali