98 tabib ġdid fl-isptarijiet tal-gvern
Tqassmu skont l-esiġenzi tal-isptarijiet wara li temmew b'suċċess l-istudji tagħhom
More in Socjali
Tqassmu skont l-esiġenzi tal-isptarijiet wara li temmew b'suċċess l-istudji tagħhom
Kmieni din il-ġimgħa daħlu jaħdmu fl-isptarijiet tal-Gvern 98 tabib ġdid li lkoll għadhom kemm temmew b’suċċess l-istudji tagħhom. Waqt li l-maġġoranza ta' dawn it-tobba ġodda bdew jaħdmu f’Mater Dei, disa’ minnhom bdew jaħdmu Karen Grech u sitta oħrajn qegħdin jaħdmu fl-isptar Monte Carmeli. Dawn it-tobba kollha ġew imqassmin f’diversi taqsimiet biex b’hekk ikompli jissaħħaħ is-servizz eżistenti lejn il-pazjenti.
L-ILLUM tkellem mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne li minn naħa tiegħu qal li dawn it-tobba se jkomplu jippermettu titjib u tkabbir tas-Servizzi offruti. “Hija l-intenzjoni tagħna li nkomplu ninvestu fl-isptar Mater Dei sabiex insaħħu s-servizz li jingħata lill-pazjenti. L-investiment li qed nagħmlu m’huwiex biss fl-apparat u l-bini iżda anke fir-riżorsi umani u kien propju għalhekk li ngaġġajna kważi 100 tabib ġdid minn din il-ġimgħa”.
Meta mistoqsi jekk it-tobba nbtagħtux f’xi oqsma partikolari tal-isptar Fearne qal li dawn tqassmu skont l-eżiġenzi tal-isptar. “It-tobba tqassmu fejn kien hemm bżonn, iżda wieħed japprezza li għandek ċerta dipartimenti li jirrikjedu ammonti akbar ta’ tobba minn oħrajn. Fil-fatt kien hemm 30 tabib minn fost it-98 li daħlu nhar it-Tnejn u li ġew assenjati fil-qasam tal-mediċina. It-tieni l-akbar ammont kien dak ta’ 23 tabib li ġew assenjati fil-qasam tal-kirurġija, iżda l-kumplament tqassmu skont l-esiġenzi. Uħud kienu ngaġġati fil-Ġerjatrija, Ortopedija, Kardjoloġija, Onkoloġija u oħrajn fil-Ginekoloġija.”
Is-Segretarju Parlamentari spjega illi apparti l-ħtieġa tas-servizz mediku ittieħed inkonsiderazzjoni wkoll l-iżvilupp professjonali tat-tobba nfushom. Il-qasam tas-saħħa, qal Fearne, jibqa fil-quċċata tal-lista ta’ prijoritajiet tal-gvern u xhieda ta’ dan kien anke l-investiment li l-gvern irnexxielu jġib lejn Malta sabiex dan is-settur ikompli jikber u jissaħħah. “Dan il-gvern hu kommess li jkompli jkattar il-qasam tas-saħħa f’pajjiżna u qatt daqs illum ma’ kien hawn żmien daqstant eċitanti f’pajjiżna fejn apparti l-investiment li qed inġibu lejn Malta, qed jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ mpjiegi u karrieri għal min jixtieq jaħdem f’dan il-qasam.”
Huwa temm billi awgura lit-tobba l-ġodda għax-xogħol ġdid tagħhom.