“M’hemmx flus” għall-iskema tas-siġġijiet tar-roti

Iċ-ċermen tal-KNPD jgħid li ma naqsux il-flus imma żdiedu ir-riċevituri

Numru ta’ qarejja tal-ILLUM ilmentaw magħna illi meta ċemplu lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ dwar flus lura mingħand il-gvern fuq xiri ta’ siġġu bir-roti għall-uliedhom dawn ġew informati li kienu se jingħataw madwar 25% tal-ispiża tal-istess siġġu.

Sinjura li ċemplet lil dan il-ġurnal qalet kif meta hi u żewġha marru biex jixtru siġġu tar-roti kienu nfurmati li huma se jkunu qed jirċievu madwar 50% tal-ispiża bħala parti minn skema li l-flus tagħha joħorġu mill-Fond għas-Servizzi ta’ għajnuna Speċjali. “Imma meta morna biex napplikaw għal dan il-benefiċċju qalulna li ma jistgħux jagħtuna nofs l-ispiza lura”, qalet din is-sinjura. Hija kimpliet tisħaq illi “aħna ħallasna madwar €6,000 għal dan is-siġġu tar-roti, li mhux xi lussu. Dan għandna bżonnu għat-tifel tagħna li jsofri minn diżabilita’ severa”.

L-ILLUM staqsa lil din is-sinjura x’kienet ir-risposta tar-rappreżentant tal-KNPD li hi kellmet meta staqsiet għalfejn m’għadhiex qed tingħata nofs l-ispiża lura, bir-risposta tkun, skont din l-omm, “m’hemmx flus”. Hija temmet tilmenta li dan mhux sew “qed insibu flus għal tant affarijiet f’dan il-pajjiż u qed ngħidu li sejrin tajjeb tant, jagħmel sens allura li ngħidu li m’għandniex flus għal xi ħaġa li hija tant bażika u bżonnjuża għal ġenituri bħalna?”

L-ILLUM ċempel liċ-Ċermen tal-KNPD Oliver Scicluna li minn naħa tiegħu ċaħad illi tnaqqas il-baġit għal dan il-fond u sostna li fil-fatt, li ġara kien illi żdiedu ir-riċevituri u dawk li kienu qed ifittxu li jagħmlu użu minn dawn il-flus. Huwa stqarr illi minħabba li llum aktar nies jafu dwar dan is-servizz, huma aktar dawk li qed ifittxu li japplikaw għal dawn it-tip ta’ benefiċċji.

Minkejja dan Scicluna ġab fid-dubju  kemm l-għotja għal siġġu bir-roti setgħet kienet 50%, għalkemm fakkar kif dawn il-flus jingħataw wara li jsir means testing tal-familja biex wara jkun determinat l-ammont li jkun se jingħata.

Scicluna spjega wkoll kif bħalissa għaddej xogħol biex l-operat kollu jaqa’ taħt l-aġenzija Sapport li se tkun qed isservi ta’ one-stop-shop għal persuni b’diżabilita’ bil-KNPD sempliċiment tkun regolatur fil-qasam. Dwar il-Fond li l-qarrejja tal-ILLUM kellmitna dwaru Scicluna qal illi diġa saru proposti għall-baġit li ġej fejn il-kummissjoni qed tipproponi li jkun hemm żieda fil-flus li jingħataw għal din l-inizjattiva. Temm ifakkar illi bħalissa qed isir ħafna xogħol f’dan il-qasam u li hekk se jibqa’ jsir biex problemi bħal dawk li waslu għand l-ILLUM ikunu mgħelba. 

More in Socjali