Infurzar mill-MEPA kontra l-iżvilupp illegali f’ Wied Riħan

Wara ġimgħa li l-ILLUM żvela sfreġju f'post Natura 2000, il-MEPA toħroġ azzjoni ta’ infurzar fil-konfront ta’ min għamel dan ix-xogħol mingħajr il-permessi meħtieġa.

Ġimgħa biss wara li dan il-ġurnal żvela kif Wied Riħan fin-Nadur, Għawdex spiċċa vittma ta’ sfreġju ambjentali, wara żvilupp illegali ta’ trejqa mdaqqsa u tqattiegħ ta’ blat, l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet azzjoni ta’ infurzar fil-konfront ta’ min għamel dan ix-xogħol mingħajr il-permessi meħtieġa. Skont il-liġi, sid l-art jista jeħel multa massima ta’ €50,000.

Kelliem għall-MEPA li tkellem mal-ILLUM ikkonferma li l-iżvilupp li seħħ huwa kollu kemm hu llegali u li m’hemm l-ebda applikazzjoni fuq is-sit li fih sar ix-xogħol.

L-azzjoni ta’ infurzar tispjega kif fil-post sar tqattiegħ ta’ blat, depożitu u twittija ta’ materjal f’ art protetta biex jinħoloq aċċess ġdid.

Il-kelliem għall-MEPA kkonferma dak li deher fil-ġurnal ILLUM tal-Ħadd li għadda, jiġifieri li sar rapport dwar dan ix-xogħol bla permess mill-Kunsill Lokali tan-Nadur.

“Dan ir-rapport ġie investigat minnufih u x-xogħlijiet ġew imwaqqfin wara li nstab li ma kien hemm l-ebda permess mill-Awtorità għax-xogħlijiet li kienu qegħdin isiru,” sostna l-kelliem għall-MEPA.  

Kif jixhdu ritratti li ppubblikajna l-Ħadd li għadda, l-ħsara li saret hija waħda konsiderevoli ħafna u tindika li x–xogħol seta’ saħansitra sar minn makkinarju ta’ kostruzzjoni.

Intant, dan il-ġurnal waslulu rapporti li l-iżvilupp imsemmi seħħ bil-barka tal-Ministru t’ Għawdex Anton Refalo u li l-persuna kkonċernata żar lil Ministru qabel ma għamel ix-xogħlijiet in kwistjoni. Madankollu, mal-ILLUM, il-Ministru Refalo ċaħad kategorikament li kellu x’jaqsam ma’ dan l-iżvilupp illegali u tenna wkoll li sar jaf bih wara l-istorja ppubblikata fuq l-ILLUM.

Huwa ċaħad ukoll li qatt ma iltaqa’ jew li għandu konnoxxenza tal-persuna li għamlet dan l-iżvilupp. Il-Ministru Refalo fakkar kif din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompitù tal-MEPA u li għalhekk il-Ministeru mhux se jidħol fiha. Filfatt huwa stqarr li la hu u lanqas il-ministeru ma kellhom ebda komunikazzjoni mal-MEPA jew mal-Kunsill Lokali tan-Nadur wara r-rapport ta’ dan il-ġurnal. 

More in Socjali