Uffiċjal tal-Kurdi qal kif inqatlu 19-il tfajla mill-ISIS talli dawn irrifjutaw li jkollhom x'jaqsmu mal-ġellieda tal-ISIS. Huwa qal li dawn it-tfajliet kienu qed jinżammu bħala ostaġġ f'Mosul fl-Iraq.
Fl-istess waqt, mibgħuta tan-Nazzjonijiet Uniti li qed tinvestiga dawn l-attroċitajiet marbutin mal-kummerċ tas-sess qalet li dawn it-tfajliet qed jiġu mibjugħa minn persuna għall-oħra u tfajla waħda tista' tinxtara minn sitt irġiel differenti.
Qalet ukoll kif f'dokument tal-ISIS jgħid li dawn l-estremisti jbiegħu nisa u tfal Kristjani u Jażidisti li jkunu serqu u fosthom, il-bniet li jkollhom bejn sena u disa' snin iġibu l-iktar flus. Fil-fatt, fl-istess dokument jidher kif inħarġet il-lista tal-prezzijiet għan-nisa, skont l-etajiet tan-nisa:
Nisa ta' bejn l-40-50 sena jiswew $43 (£27)
$75 (£48) għal dawk ta' bejn it-30 u l-40 sena
$86 (£55) għal dawk ta' 20 u 30 sena
$130 (£83) għal dawk ta' bejn l-għaxar u l-20 sena
$172 (£110) għal bniet bejn sena u disa' snin.
Dawk l-iskjavi li rnexxielhom jaħarbu irrakkuntaw kif ġew imġiegħla jiżżewġu l-ġellieda tal-ISIS li kienu jabbużaw minnhom sesswalment u fiżikament.
Għadu mhux magħruf jekk in-nisa li ġew maqtula kinux Krisjani jew Jażidisti jew le. Intqal li dawn inqatlu minħabba li rrifjutaw li 'jipparteċipaw fil-prattika tal-ġiħad sesswali'.