Dak li huwa essenzjalment Malti
L-ILLUM iħares lkejn ħames karateristiċi intrinsikament Maltin; Il-Politika fil-forma tribali u partiġġjana, il-festi, il-pastizzi, l-Lingwa Maltija u l-wirt storiku
minn Albert Gauci Cunningham
Mhux darba jew tnejn nistaqsu lilna nfusna, imma x’jagħmilna Maltin? X’jiddistingwina min-nazzjonijiet u popli oħrajn? X’inhuma dawk il-fatturi li l-barranin jaraw bħala interessanti meta jħarsu lejna bħala poplu? X’inhuma dawk il-fatturi essenzjalment Maltin li jkun jaqbel jekk nieħdu ħsiebhom u nrawmuhom biex jibqgħu jiddistingwuna bħala Maltin, Mediterraneji u Ewropej?
L-ILLUM iħares lejn ħames fatturi li huma intrinsikament marbutin mal-poplu Malti jiġifieri l-politika, speċjalment dik partiġġjana, il-pastizzi, il-festi tar-raħal, il-lingwa u bla dubju ta’ xejn l-istorja. Jekk tneħħi wieħed minn dawn mill-katina, il-katina ma tibqax. Ma jistax ikollok Malta jekk mhux bl-argumenti dwar il-PN u l-PL u l-mass meetings, ma jistax ikollok Malta jekk mhux bil-festi, l-armar u l-marċi, ma jistax ikollok Malta, jekk mhux bil-ħwienet tat-titotla li jbiegħu dawk il-pastizzi sħan u tajbin. Definittivament iżda ma jista’ qatt ikollok Malta jekk mhux bil-patrimonju storiku u l-lingwa Maltija li huma l-isbaħ wirt li qatt seta’ xi ħadd ħalla lil ta’ qabilna, lilna u lil uliedna.
Jew Laburist, jew Nazzjonalist, jew opportunist
Il-politika hija parti mit-tessut soċjali ta’ pajjiżna, mhux daqstant il-politika fis-sens ideoloġiku tagħha imma iktar minn hekk, il-politika partiġġjana. Il-mod kif il-Maltin, speċjalment, matul ix-xhur tal-elezzjoni, jinqasmu f’żewġ tribujiet kbar u jattendu bil-masses kbar għas-sejħa tal-partit tagħhom, hija xi ħaġa li ma tarahiex b’daqshekk kobor f’pajjiżi oħrajn.
Prattikament, il-mass meetings illum saru raġuni oħra biex nixorbu, ngħajjru lil “ta’ kontrina”, naqbżu mal-mużika u niffesteġġjaw. Minkejja li ħafna ma jkunux jafu eżatt x’qed jingħad mill-kelliema, eluf kbar xorta jattendu bi ħġarhom għall-meeting imbagħad wara jiġru sad-dar, jixgħelu t-TV biex iqabblu l-meetings u jgħidu “kemm kellna aktar nies” jew “Aarija Santa x’kellhom! Naħseb huma jeħduha”. Insomma dan il-pajjiż jieqaf għal xahrejn jew tlieta u kulħadd, kull fejn tmur, jitkellem fuq il-politika u ara ma tmerix lil xi ħadd għax għajnejk jikollok.
Il-politika, mhux fi żmien l-elezzjoni biss iżda, bis-sens tribali ta’ blu kontra l-aħmar u viċi versa jibqa’ għaddej matul il-ħames snin, għal xi wħud mingħajr waqfien. Il-politika tant għandha għeruq fondi li l-alleanzi politiċi huma sinonimi wkoll fost il-familji. Minn kunjom jew laqam, ġeneralment tkun taf ma’ liema partit iżomm dak il-persuna u/jew il-familja tiegħu.
Il-partiti llum, għalkemm ħafna inqas b’saħħithom, xorta għadhom jiddeterminaw il-ħsieb, jimmobilizzaw il-masses u jqajmu l-entużjażmu u l-passjoni fost ħafna mill-‘għeruq’ li għal uħud minnhom il-partit huwa parti integrali minn ħajjithom
Dawk il-pastizzi sħan u tajbin
Tazza te tajba jew kafè u tliet pastizzi, tnejn tal-irkotta u wieħed tal-piżelli. Sħan, iqarmċu, żejtnin u tajbin. Xejn ma jieħu post il-pastizzi li kif tgħid il-kanzunetta, “sħan u tajbin” jagħmlu l-aqwa ikla jew saħansitra kolazzjon, speċjalment nhar ta’ Ħadd meta l-għodwa tkun kajmana u kwieta.
Il-pastizzi illum m’għadhomx marbutin biss ma’ tat-titotla għax in-negozju tal-pastizzeriji kiber u fjorixxa bil-kbir f’dawn l-aħar snin. Ma’ kull kantuniera ssib ħanut żgħir, b’vetrina li ma tistax ma tħarisx lejha u riħa li taqsamlek qalbek ħierġa minnu, ibiegħ tilar fuq tilar ta’ pastizzi.
Minkejja l-pizzez u t-torti u kull tip ta’ Amerikanata jew Ingliżata oħra fil-kċina ‘tat-triq’, il-pastizzi jibqgħu l-favoriti, mhux biss mal-Maltin iżda anke mal-barranin, li mal-ewwel gidma, ikunu diġà jafu li se jerġgħu jixtru dan l-ikel Malti delizzjuż.
Bandalori kollha lwien, karti żgħar ma’ kullimkien
Għandna diska għalihom ukoll, kantata minn Mary Rose Mallia. Il-festi huma parti mill-ħajja Maltija u karatteristika li tagħmel lil pajjiżna uniku. Uniku mhux għax il-festi ma jiġux iċċelebrati f’pajjiżi Mediterranji oħra, imma għax imkien m’huma ċċelebrati bl-istess orgolju u passjoni li huma ċċelebrati hawnhekk.
Il-festi huma n-nar. Minkejja kull ħaġa li jista’ jingħad, festa mingħajr l-ispettakklu ta’ kuluri fl-ajru, xogħol nies ta’ kapaċita’ piroteknika mill-aqwa, mhi festa xejn. Daqs kemm mhix festa jekk ma jkollokx l-armar barokk, pompuż u xi kultant eseġerat ukoll li jixhed mhux biss il-ħila ta’ min jaħdmu iżda wkoll jispjega dak li aħna, bħala Maltin, nifhmu li huwa ‘sabiħ’. L-istil tal-armar fil-festi, speċjalment f’festi kbar, huwa kollu indikattiv tal-messaġġ li l-poplu ta’ dak ir-raħal qed jipprova jagħti. “Aħna l-aħjar, aħna l-ikbar u bħalna ma tkunu qatt!”
Imbagħad għandek il-ħafna vari titulari li minnhom infushom huma opra tal-arti, xogħol tal-aqwa statwaturi lokali u anke barranin li jitpoġġew barra min-niċċa fi knejjes, bosta minnhom rikki u mill-isbaħ li għandna f’pajjiżna. Għandek il-marċi, għandek it-tbaħrid, il-banda, il-parties wara l-marċ, iċ-ċikċifogu, l-ikel, l-istorbju, il-kulur, il-folol. Insomma għandek dak kollu li jħobbu l-Maltin kollu f’ġimgħa ta’ festa. Żgur li mingħajr il-festi, Malta tkun ifqar, ħafna inqas eċċitanti u ħafna inqas Maltija.
Jiena Malti...nitkellem bil-Malti
Bħalissa għaddejja diskussjoni dwar il-bidliet fil-lingwa. Jekk ngħidux ‘Olandiż’ jew ‘Nederlandiż’, per eżempju, huwa importanti għal xi wħud. Imma dak li definittivament juri dan id-dibattitu huwa li l-Maltin għadhom jgħożżu l-lingwa li tiddistingwina minn kull stat, pajjiż u gżira oħra madwar id-dinja.
Minnu nnifsu l-Malti huwa frott ta’ storja soċjali u politika, storja ta’ poplu li ġġieled miegħu nnifsu, dejjem taħt il-madmad tal-barrani, biex ikollu identità u biex dik l-identità tkun tista’ timmanifesta ruħha.
Illum hawn min jgħid li l-Malti qiegħed taħt attakk minn dawk li jaqilbu għall-Ingliż waqt diskorshom kif ukoll minn dawk il-puristi li jaraw lill-lingwa bħala xi ħaġa li għandha tibqa’ fossilizzata fil-passat. Imma l-lingwa hija ħajja u tinbidel u tiddiversifika skont iż-żmien u skont ir-realtajiet soċjali. Il-Malti hekk qed jiġrilu llum, qed jevolvi mhux jinqered.
Ngħiduha kif inhi, allaħares jinqered għax mingħajr il-lingwa jkollna wirt imprezzabbli nieqes li jiddistingwina mill-bqija tad-dinja.
Storja ta’ eluf ta’ snin fi ftit kilometri
Kull pajjiż għandu storja u kull pajjiż jiftaħar b’dik l-istorja. Iżda Malta għandha storja li tmur lura eluf kbar ta’ snin fi ftit kilometri biss. Mit-Tempji tal-Ġgantija, għat-Teatru Manoel. Mis-swar, issa restawrati, madwar il-Kottonera, għall-għerien preistoriċi sal-Isptar Bighi minn żmien l-Ingliżi.
Malta għandha port li huwa l-qalb vera ta’ dan il-pajjiż, ir-raġuni għalfejn żviluppajna u waslana sa fejn wasalna, mdawwar bis-swar u inkurunat bil-Forti Sant’Anġlu fuq in-naħa tal-Birgu. Għandna l-Belt, protetta mill-UNESCO, tal-Imdina li qisha mużew fiha nnifisha u li minn fuq dik l-għolja tħares lejn ħafna minn pajjiżna taħtek, għandna r-Rotunda tal-Mosta ftit biss ’il bogħod, għandna l-barracks tal-Ingliżi fl-inħawi tal-Imtarfa u Pembroke. Kull erba’ passi għandek l-istorja. U dan biex ma nsemmux il-ġojjelli, bħall-Konkatidral ta’ San Ġwann, li huwa, mhux biss sit storiku iżda monument rikk ta’ żminijiet differenti, fejn minkejja kollox, ir-reliġjon baqgħet tilgħab parti integrali mill-ħajja tal-Maltin u ta’ min mexxihom fil-passat.