Fil-belt ta' Tianjin fiċ-Ċina, l-Erbgħa filgħaxija, seħħew numru ta' splużjonijiet li heżżew il-belt, waqt li qatlu minn tal-inqas 44 persuna u darbu mijiet oħrajn.
Skont il-pulizija tal-belt, l-ewwel splużjoni seħħet f'maħżen ta' kumpanija tal-loġistika f'parti industrijali tal-belt, fejn ingħad li kien hemm prodotti ta' kimika perikolużi.
It-taqsima tat-tifi tan-nar qalu li ġew imsejħa l-ewwel minħabba n-nirien u l-isplużjoni seħħet wara li waslu fuq il-post.
Fost il-mejta, ġew irrapurtati 12-il membru tat-tifi tan-nar u għexieren oħra baqgħu mitlufa wara l-isplużjoni.
Ingħad li l-effetti nħassu wkoll minn kilometri 'l bogħod u wħud sostnew li inkisru xi twieqi ta' djarhom.
Id-danni ta' din l-isplużjoni dehru ċar b'bosta karozzi maħruqin u binjiet imġarrfa. S'issa mietu 44 persuna b'mijiet oħra spiċċaw l-isptar uħud minnhom għal ġrieħi gravi.
Minħabba dan l-istess inċident, ħafna mit-toroq ta' madwar il-belt ġew magħluqa, li kompla jikkawża ġenn kbir f'belt b'popolazzjoni ta' iktar minn 13-il miljun.